Futbol Sport

Rebħa drammatika u ta’ tama għal Vittoriosa Stars

Vittoriosa Stars ……. 2
Qormi ……………… 0

Vittoriosa Stars naqsu milli jisfruttaw l-okkażjonijiet li ħolqu għal ħinijiet twal kontra Qormi, imma b’żewġ gowls lejn it-tmiem, kisbu rebħa ferm importanti f’partita mmexxija minn terna arbitrali mil-Latvja.

Il-logħba ftit li xejn offriet spettaklu imma splodiet fl-aħħar minuti bil-Birgu jieħdu t-tliet punti li issa jistħgu jarawhom iżommu posthom fl-ogħla diviżjoni jekk jirbħu l-aħħar konfront.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota fis-17-il minuta meta Samir Arab approfitta minn indeċiżjoni tad-difiża ta’ Qormi u l-ħarġa ħażina ta’ Farrugia imma x-xutt tiegħu ttajjar mal-art mill-istess goalkeeper Qormi qabel id-difiża tajret il-periklu.

Fil-21 risposta ta’ Qormi b’xutt ta’ Effiong minn barra l-kaxxa ċentrali f’idejn Mario Muscat. Fis-27 minuta Sidibe tefa’ għoli minn pożizzjoni angolata wara li rċieva minn freekick.

Vittoriosa komplew jattakkaw u fl-34 minuta Guerrero tefa’ kross lejn Marcelo Pereira li niżżel b’sidru, dar u xxuttja ftit għoli minn quddiem il-lasta u fit-38 minuta minn freekick ta’ Qormi l-ballun niżel quddiem Effiong li ma laqatx.

Iż-żewġ naħat komplew iżommu lura u dehru kuntenti bid-draw tant li kellna nistennew sal-51 minuta għall-azzjoni li jmiss fejn Qormi setgħu fetħu l-iskor wara li minn kontrattakk, Pereira Da Silva li għadda fit-tul lejn Leighton Grech imma x-xutt tiegħu minn pożizzjoni angolata għadda barra.
Ħames minuti wara Qormi għal darb’oħra perikolużi meta minn freekick ta’ Quinteri l-ballun wasal għand Effiong li bir-ras tefa’ barra.

Fit-62 minuta Vittoriosa mċaħħda mil-lasta fuq freekick dirett ta’ Oscar Guerrero li għeleb lil Farrugia imma l-ballun stampa mal-mimduda.
Iktar ma’għadda l-ħin, bl-aħbar li Floriana kienu minn fuq f’Kordin, Vittoriosa ppruvaw jieħdu xi ħaġa iżjed minn din il-logħba u bdew jippressaw sakemm fis-87 Vittoriosa marru fuq quddiem. L-azzjoni bdiet minn freekick u ħarġa difettuża ta’ Matthew Farrugia, il-ballun wasal għand MARCELO PEREIRA li wara taħwida fil-kaxxa rnexxielu jsib il-ballun bix-xutt tiegħu jaqbeż numru ta’ plejers u jispiċċa fix-xibka.

U fl-94 minuta Vittoriosa ssiġillaw ir-rebħa importanti b’gowl ieħor. Din id-darba kien il-plejer tal-logħba Oscar Guerrero li ħarab b’ġirja lejn il-lasta u għadda l-ballun minn taħt Farrugia għal rebħa 2-0.

B’hekk Vittoriosa approfittaw mit-telfa ta’ Naxxar, qabżuhom u jinsabu f’pożizzjoni iktar komda b’24 punt.

Vittoriosa Stars: M. Muscat, S. Arab, L. Torri, C. Sammut, O. Sidibe, F. J. Aguiar, M. Pereira, O. D. Guerrero, C. Brincat, L. Vella Critien, C. Spiteri

Sost: S. Arab Eddin flok C. Sammut (70 min.), F. Mella Arriagada flok L. Torri (77 min.), M. Buttigieg flok S. Arab (83 min.)

Qormi: M. Farrugia, J. Bondin, A. Effiong, D. Pisani, E. Vella, L. Grech, R. Sammut, T. Caruana, O. Bugeja, S. Quintieri, J. Pereira Da Silva

Sost: L. Cantoro flok L. Grech (68 min.), C. Terrible flok E. Vella (85 min.)

Imwissija: S. Quinteri 48 min (Q), L. Torri 76 min. (V)

Skurjaw: M. Pereira 87 min., O. Guerrero 94 min. (V)

Referee: Vitalijs Spasjonnikovs

Il-mument Plejer tal-Logħba: O. D. Guerrero