Futbol Sport

Tarxien jumiljaw lil Rabat u jsserrħu rashom

TARXIEN R ……….7
RABAT A ……….1

Tarxien Rainbows umiljaw lil Rabat Ajax meta rebħu 7-1 u wkoll salvaw posthom fil-Kampjonat Premier. Il-partita kienet bla storja bid-differenza bejn it-timijiet tidher mill-bidu nett.

Il-kowċ Cive Mizzi kellu jilgħab mingħajr Manuel Caruana u Gonclaves da Silva, it-tnejn sospiżi u posthom ħaduh Karl Pulo u William Barbosa u n-nuqqas tagħhom qatt ma nħass.

Rabat għal darba oħra ddiżappuntaw u din il-partita tiżdied mas-serje negattiva ta’ partiti bla rebħa. Il-kowċ Steve D’Amato kellu jgħaddi mingħajr is-servizzi ta’ Adam Smeir, Pelaez Bellido u Wayne Borg.

Tarxien fetħu fuq l-attakk mill-bidu u ngħataw penalty fit-8 minuta meta minn kross ta’ William Barbosa ir-referee Alan Mario Sant iġġudika li David Azzopardi mess il-ballun b’idu u ordna penalty.

Mill-11-il metru DEMBA TOURE ma żbaljax.
Fl-14-il minuta Tarxien marru viċin b’xutt fil-baxx ta’ William Barbosa li spiċċa ftit barra. Iżda minuta wara r-Rainbows irduppjaw meta JORGE SANTOS SILVA għadda tajjeb fuq in-naħa leminija u b’xutt b’saħħtu fil-baxx għeleb lil Jonathan Azzopardi. It-Tarxiniżi għamlu l-iskor 3-0 fil-21 minuta meta free-kick ta’ Pulo ġie mblukkat, il-ballun spiċċa għand Santos Silva li mill-ewwel ikkrossja fil-kaxxa lejn STEVE BONNICI li waħdu nxteħet minn tulu u bir-ras għeleb lil Azzopardi.

Tarxien skorjaw ir-raba’ gowl fit-28 minuta meta WILLIAM BARBOSA għeleb lil Azzopardi b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa. L-ewwel xutt ta’ Rabat fil-partita wasal fl-34 minuta meta free-kick ta’ Carillo Pendas għadda ftit għoli. Tarxien għamluhom ħamsa fid-39 minuta meta Barbosa għadda lejn DEMBA TOURE li sab il-ballun quddiemu u bil-kalma kollha għeleb lil Azzopardi b’xutt fil-baxx.

Tarxien żiedu ieħor fit-42 minuta meta min kross ta’ Carlo Mamo, Demba Toure b’finta tajba ħalla l-ballun lil KARL PULO li b’xutt b’saħħtu ma ta l-ebda ċans lil Azzopardi.

B’Tarxien jiskorjaw sitta fl-ewwel taqsima, il-partita ntlagħbet biss għal formalita` wara l-mistrieħ bi ftit attakki denji. Tarxien skorjaw is-seba’ gowl fid-49 minuta meta minn korner ta’ Karl Pulo, daħal tajjeb DANIEL MARIANO BUENO li għeleb lil Azzopardi.
Rabat setgħu skorjaw fl-64 minuta iżda minn qagħda ideali Malcolm Licari xeħet barra madankollu l-gowl ta’ konsolazzjoni wasal fid-69 minuta meta Aidan Azzopardi qassam lejn DIEGOR CARILLO PENDAS li kkontrolla u b’xutt fir-rokna għeleb lil Vella. Fil-81 minuta xutt ta’ William Barbosa ġie mdawwar f’korner minn Azzopardi.

Tarxien: N. Vella, C. Mamo, L. Martinelli, D. Toure, W. Barbosa, C. Menendez Hevia, D. Mariano Bueno, K. Pulo, J. Mifsud, S. Bonnici, J. Santos Silva

Sost: S. Sadowski flok J. Mifsud 46’, N. Vella (I) flok 51’, N. Vella (II) flok 51’

Rabat: J. Azzopardi, S. Gauci, D. Azzopardi, I. Carapic, Z. Tanti, P. Borg, J. Bajada, J. Caruana, R. Micallef, M. Licari, D. Carrillo Pendas

Sost: S. Oproiescu flok R. Micallef 60’

Skorjaw: D. Toure 9’39’, J. Santos Silva 15’, S. Bonnici 22’, W. Barbosa 28’, K. Pulo 42’, D. Bueno 49’ (T), D. Carillo Pendas 68’ (R)

Imwissija: D. Azzopardi 20’ (R)

Referee: Alan Mario Sant

Il-mument Plejer tal-Partita: William Barbosa (Tarxien Rainbows)