Formula 1 Sport

Tasal it-tielet rebħa konsekuttiva għal Hamilton

Is-sewwieq tal-Mercedes Lewis Hamilton kiseb it-tielet rebħa konsekuttiva dan l-istaġun meta b’wirja dominanti rebaħ il-Grand Prix taċ-Ċina. Hamilton spiċċa quddiem sieħbu Nico Rosberg wkoll fuq Mercedes u quddiem Fernando Alonso tal-Ferrari li spiċċaw fit-tieni u fit-tielet post rispettivament.

Għal Hamilton din kienet l-ewwel darba li qatt kiseb tliet rebħiet wara xulxin filwaqt li r-rebħa f’Shanghai kienet ukoll it-tielet waħda li kiseb f’dan iċ-ċirkwit biex b’hekk sar l-aktar sewwieq li rebaħ fiċ-Ċina. B’din ir-rebħa, issa Hamilton jinsab erba’ punti biss taħt il-lider tal-klassifika tas-sewwieqa, Nico Rosberg.

Alonso spiċċa quddiem il-koppja tar-Red Bull Daniel Ricciardo u ċ-champion Sebastian Vettel rispettivament. Għal Alonso din kienet reazzjoni mill-aqwa wara dak kollu li seħħ matul il-ġimgħa fil-kamp tal-Ferrari fejn irreżenja l-Kap Tekniku Stefano Domenicali u minfloku ħa postu Marco Mattiacci. Reazzjoni tajba wkoll waslet minn naħa tas-sewwieq tar-Red Bull Ricciardo li matul il-ġimgħa sar jaf li l-appell għall-iskwalifika tiegħu mill-Grand Prix tal-Awstralja ma intlaqax. Barra minn hekk, Ricciardo reġa’ għat-tieni Grand Prix konsekuttiv kellu wirja aħjar minn sieħbu Vettel, sewwieq li wara li iddomina f’dawn l-aħħar erba’ snin għadu qed ifittex l-ewwel rebħa tal-istaġun.

Ta min jinnota li bħal ma għamel sena ilu meta kien għadu jsuq ma’ Mark Webber, Vettel reġa’ injora struzzjonijiet minn naħa tat-tim biex iċedi lil Ricciardo li kien aktar veloċi minnu imma dan tal-aħħar xorta waħda spiċċa għaddieh.

Ir-rebħa tal-bieraħ ta’ Hamilton tasal wara li dan rebaħ il-Grand Prix tal-Malasja u tal-Bahrain. Fl-ewwel GP tal-istaġun fl-Awstralja Hamilton kellu jiritira minħabba ħsara fil-karozza. Il-Grand Prix li jmiss issa hu dak ta’ Spanja f’Katalnju u dan se jsir fil-11 ta’ Mejju. Kif jidhru l-affarijiet s’issa, dan l-istaġun se jkun missielet bejn iż-żewġ sewwieq tal-Mercedes.

Kif spiċċaw
1. Lewis Hamilton – Mercedes
2. Nico Rosberg – Mercedes
3. Fernando Alonso – Ferrari
4. Daniel Ricciardo – Red Bull
5. Sebastian Vettel – Red Bull
6. Nico Hulkenberg – Force India
7. Valtteri Bottas – Williams
8. Kimi Raikkonen – Ferrari
9. Sergio Perez – Force India
10. Daniil Kvyat – Toro Rosso

Klassifika tas-sewwieqa
1. Nico Rosberg – 79
2. Lewis Hamilton – 75
3. Fernando Alonso – 41
4. Nico Hulkenberg – 36
5. Sebastian Vettel – 33
6. Daniel Ricciardo – 24
7. Valtteri Bottas – 24
8. Jenson Button – 23
9. Kevin Magnussen – 20
10. Sergio Perez – 18

Klassifika tal-Kostrutturi
1. Mercedes – 154
2. Red Bull – 57
3. Force India – 54
4. Ferrari – 52
5. McLaren – 43
6. Williams – 36
7. Toro Rosso – 8