Sport Sport Ieħor

Wawrinka jegħleb lil Federer fil-finali

Stanislas Wawrinka għeleb lil Roger Federer f’finali kollha Żvizzera waqt il-Masters ta’ Monte-Carlo. Iċ-champion tal-Open Awstraljan, għeleb lil Federer, li kien qed jilgħab ir-raba’ finali tiegħu f’din il-kompetizzjoni bi skor ta’ 4-6, 7-6(5), 6-2. Din kienet l-ewwel finali f’dawn l-aħħar 14-il sena li kienet ikkontestata bejn żewġ tennisti Żvizzeri.

Għal Wawrinka dan kien l-ewwel titlu tal-ATP li rebaħ fil-karriera. Fl-2008 kien spiċċa runner-up f’Ruma meta dakinhar kien tilef kontra Djokovic filwaqt li sena ilu spiċċa runner-up f’Madrid meta tilef kontra Rafael Nadal. Ir-rebħa li kiseb il-bieraħ Wawrinka fuq Federer kienet biss it-tieni waħda minn 15-il konfront kontra r-rebbieħ ta’ 17-il Grand Slam.

Biex wasalu sal-finali Federer u Wawrinka kienu eliminaw lil Novak Djokovic u lil David Ferrer rispettivament.

Intant, wara li ġie eliminat fis-semi finali kontra Federer, Djokovic żvela li se jdum kemmxejn barra mill-azzjoni biex jirkupra minn injury li għandu fil-polz. Djokovic, li tilef 7-5, 6-2 hu mistenni jirritorna fl-azzjoni la darba jibda l-Grand Slam ta’ Franza fil-25 ta’ Mejju.

Il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka fil-finali
Il-Ġrmanja u r-Repubblika Ċeka se jikkontestaw il-finali tal-Federation Cup f’Novembru li ġej wara li fis-semi finali eliminaw lill-Awstralja u lill-Italja rispettivament. Għall-ġermanja din se tkun l-ewwel darba sa mill-1992 li se jkunu qed jilagħbu fil-finali.

Nhar is-Sibt Andrea Petkovic u Angelique Kerber kienu bnew vantaġġ ta’ 2-0 kontra l-Awstralja u b’hekk il-bieraħ kienet biżżejjed ir-rebħa ta’ Kerber fuq Samantha Stosur. It-tennista numru seba’ fid-dinja wettqet rimonta u rebħet 4-6, 6-0, 6-4 f’sagħtejn u kwart biex tat vantaġġ ta’ 3-0 lill-Ġermaniżi. Ir-Repubblika Ċeka, li kellha vantaġġ ta’ 2-0 kontra l-Italja, kisbet it-tielet rebħa meta l-bieraħ Petra Kvitova għelbet lil Roberta Vinci bi skor ta’ 6-3, 7-5.