Ewropa Lokali

13-il miljun mara f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea esperjenzaw vjolenza fiżika

Minn stħarriġ li sar mill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-Vjolenza Kontra n-Nisa fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li 13-il miljun mara, jew 7% tan-nisa ta’ bejn it-18 u 74 sena, esperjenzaw vjolenza fiżika matul it-12-il xahar qabel sar l-istħarriġ.

Barra minn hekk, madwar 3.7 miljun mara fl-UE, jew 2%, ġarrbu vjolenza sesswali matul l-istess perjodu filwaqt li mara minn kull 20, jew 5 %, kienu stuprati minn meta kellhom 15-il sena.

Dawn iċ-ċifri ħarġu waqt il-laqgħa annwali tal-European Network on Gender and Violence li bdiet tiltaqa’ f’Malta t-Tnejn.

Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca tkellmet dwar dawn iċ-ċifri li jinkludu wkoll lil Malta u anke irreferiet għal każ riċenti ta’ vjolenza domestika li ħalla omm tiġġieled għal ħajjitha.

Il-President Coleiro Preca qalet li Malta hi firmatarja tal-Konvenzjoni Ewropea ta’ Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika u fil-Parlament għaddej proċess biex Malta tirratifika din il-Konvenzjoni.

Kelliema oħra fil-ftuħ tas-seminar kienu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili, Helena Dalli, il-Pro Rettur tal-Università ta’ Malta, Joe Friggieri u l-Kap tad-Dipartiment għall-Istudji tal-Gender fil-Fakultà tas-Social Wellbeing fl-Università ta’ Malta, Marceline Naudi.