Membru mill-istaff ta’ Birdlife Malta kien arrestat u mwiddeb minn Spettur tal-Administrative Law Enforcement (ALE) wara li rreġistra l-avvenimenti marbutin ma’ inċident fejn għasfur protett maqtul deher f’ħalq kelb ta’ kaċċatur. Skont Birdlife Malta, il-membru tal-istaff qatta’ aktar minn sagħtejn fil-kustodja tal-Pulizija.
L-għaqda fissret fi stqarrija li din hi t-tieni darba f’għaxart ijiem li membru ta’ Birdlife Malta qatta’ ħin taħt kustodja tal-Pulizija. Għaldaqstant sare appell biex ikun hemm aktar kooperazzjoni mal-ALE tal-Pulizija.
Nhar is-Sibt 12 ta’ April, żewġ membri ta’ Birdlife Malta qattgħu kważi erba’ sigħat iwieġbu mistoqsijiet magħmulin minn pulizija tal-ALE. Dan wara li l-Birdlife irrappurtat lill-media dwar evidenza ta’ kaċċa illegali fl-ewwel jum tal-istaġun tal-kaċċa.
Fiż-żewġ okkażjonijiet, l-istaff ta’ Birdlife Malta nħelsu b’ebda akkuża.
Il-Birdlife qalet li dawn l-inċidenti jsegwu d-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li tiċħad talba ta’ Birdlife Malta għal membru mit-tim tal-ALE milli jakkumpanja lill-voluntieri tagħha waqt l-Ispring Watch u r-Raptor Camps li kienu tnidew f’Settembru tas-sena li għaddiet.
Steve Micklewright, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta qal li l-Kummissarju tal-Pulizija ddeċieda li jagħmel il-kooperazzjoni, li eżistiet bejn Birdlife Malta u l-pulizija, aktar diffiċli billi waqqaf membru tal-ALE milli jkun mal-voluntieri. Skont Micklewright, mhux kumbinazzjoni li bħalissa qed jirrenja nuqqas ta’ ftehim bejn Birdlife Malta u l-ALE.
//= $special ?>