Bormliż ta’ 39 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Mars-Anne Farrugia li f’jum il-Ġimgħa l-Kbira, fil-Belt Valletta tajjar Taljana li kienet għaddejja minn ħdejn Dar il-Mediterran, akkumpanjata minn żewġha.
Frankie Cutajar, li jaħdem mal-kumpanija tal-Gvern li qed tmexxi t-trasport pubbliku, ġie mixli li fit-18 ta’ April li għadda, għall-ħabta tas-2.00 p.m. fi Triq Mediterran, bi traskuraġni jew nuqqas ta’ ħarsien tar-regolamenti ikkaġuna feriti gravi fuq Camilla Righi, waqt li kien qed isuq karozza Ford Mondeo.
Peress li din il-ġimgħa stess il-koppja Taljana se tirritorna lura f’pajjiżha, hija kienet imsejjħa biex tixhed dwar il-każ fejn il-mara, bi ġrieħi f’wiċċha, xehdet quddiem il-Qorti kif dakinhar kienu għadhom kemm ħarġu mill-Malta Experience.
Hija rrakkuntat kif waqt li kienet miexja ħasset mera ta’ karozza tolqotha u waqgħet mal-art fejn ħabtet rasha, tant li meta l-ambulanza ħaditha l-isptar kellhom isirulha seba’ punti għalkemm ma sofrietx ksur. Hi qalet ukoll li hija ma tiftakarx jekk niżlitx sieqha minn fuq il-bankina fil-ħin li kienet għaddejja l-karozza li laqtitha.
Xehed ukoll żewġha Moreno Caggati, li qal li huwa kien miexi wara martu u f’ħin minnhom daħħal xi ħaġa fil-baskett imbagħad ra karozza tkaxkar lil martu. Huwa qal li xi nies waqfu jgħinuhom, u tenna li anke s-sewwieq niżel jistaqsiha, x’kien ġara u kif inhi.
Cutajar, li wieġeb mhux ħati, ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija personali ta’ €3,000 kif ukoll bil-kundizzjoni li kull nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis jiffirma l-għassa ta’ Bormla, kif ukoll li jkun f’daru bejn il-11.00p.m. u l-4.30a.m.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Pierre Micallef-Grimaud filwaqt li għall-akkużat deher għalih l-Avukat Albert Zerafa.
//= $special ?>

