Il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp ippubblikat mill-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika mhuwiex validu, u huwa kundannabbli l-mod kif il-Gvern qed jipprova jagħti l-impressjoni li dan id-dokument se jilħaq l-aspettattivi tal-Pjan Strateġiku meħtieġ bħala gwida fil-qasam tal-iżvilupp u l-ambjent għall-għoxrin sena li ġejjin.
Dan qalitu l-NGO ambjentali Din l-Art Ħelwa fi stqarrija li fiha ddikjarat li d-dokument ippubblikat mill-Gvern jonqos milli jagħti spjegazzjonijiet u dettalji tal-policies u l-proposti li hemm fil-pjan strateġiku, kif rikjest mil-liġi.
Id-dokument ippubblikat mill-Gvern lanqas biss jinkludi l-policies neċessarji, aħseb u ara spjegazzjoni fid-dettal tagħhom, tgħid Din l-Art Ħelwa. Skont l-għaqda ambjentali, id-dokument ta’ konsultazzjoni fih biss lista tal-objettivi li jridu jintlaħqu u li huma kważi l-istess għal dawk li ġew pubblikati fid-dokument tal-2012 mill-amministrazzjoni preċedenti bi tħejjija għal dan l-istess Pjan Strateġiku.
L-iskop tad-dokument li ħareġ dakinhar, tgħid Din l-Art Ħelwa, kien ċar – li jservi biss bħala gwida fl-istadju tal-formulazzjoni ta’ dan il-Pjan ġdid. U għalhekk mhux aċċettabbli li l-Gvern issa qed jerġa’ jippreżenta l-istess objettivi daqs li kieku kienu l-Pjan Strateġiku sħiħ.
Din l-Art Ħelwa appellat lill-Gvern biex jerġa’ jmur lura madwar il-mejda u jippubblika pjan bi strateġija tabilħaqq ħolistika bil-għan li jkun regolat l-iżvilupp sostenibbli fuq l-art u fil-baħar kif titlob il-liġi tal-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp.
//= $special ?>