Editorjal

Editorjal: Elezzjoni b’messaġġ

Illum tibda l-kampanja tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li, aktar ma żviluppat u se tiżviluppa l-Unjoni Ewropea, aktar qiegħda ssir elezzjoni importanti għall-Unjoni Ewropea u għalina. L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, is-Sibt 24 ta’ Mejju, għaxar snin mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, se tkun ukoll elezzjoni f’xenarju politiku differenti f’Malta minn dak li kellna fl-ewwel żewġ elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ħadna sehem fihom fl-2004 u fl-2009.

Parlament Ewropew li se jeleġġi l-President tal-Kummissjoni Ewropea
Ix-xenarju hu differenti fl-Unjoni Ewropea stess fejn il-Parlament Ewropew qed isir istituzzjoni aktar importanti u se jkollu għall-ewwel darba l-poter jeleġġi l-President tal-Kummissjoni Ewropea li effettivament imexxi l-iggvernar eżekuttiv tal-Unjoni.

Kandidati mill-familji politiċi kollha, ewlenin fosthom Juncker u Schulz
Il-familji tal-partiti politiċi Ewropej għażlu l-kandidati tagħhom u l-elezzjoni realment nistennew li tkun bejn il-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew, Jean Claude Juncker, eks-Prim Ministru tal-Lussemburgu, pajjiż żgħir bħalna, u l-kandidat tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej, Martin Schulz, eks-Speaker tal-Parlament Ewropew.

L-aktar nies kontra l-Unjoni f’Malta jiddominaw in-naħa tal-Labour
F’Malta x-xenarju politiku hu differenti wkoll b’din tkun l-ewwel elezzjoni li qiegħda ssir meta hawn gvern Laburista bil-protagonisti tiegħu jkunu l-aktar personalitajiet li kienu kontra s-sħubija fl-Unjoni Ewropea għaxar snin ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-kandidat ewlieni tiegħu issa, l-eks-Prim Ministru Laburista Alfred Sant.

Elezzjoni b’messaġġ fuq l-aħħar sena tal-Labour fil-gvern
Anke jekk il-pożizzjoni ta’ Muscat u Sant fl-aktar għażla importanti li pajjiżna għamel fl-aħħar ħamsin sena tibqa’ waħda kerha, u anke jekk dawn l-għaxar snin urew kemm kellu raġun il-Partit Nazzjonalista fl-akbar deċiżjoni li ħadna bħala pajjiż mill-Indipendenza, il-ġudizzju f’din l-elezzjoni se jkun ukoll fuq din l-aħħar sena tal-Labour fil-gvern bid-deċiżjonijiet u r-riżultati mqabblin ma’ dak imwiegħed.

Qgħad jiżdied, suq ħażin u pressjoni ‘l isfel fuq il-pagi
Hemm ir-riżultat ewlieni tal-qgħad li żdied fl-aħħar sena kontra x-xejra tal-bqija tal-Ewropa fejn qed jonqos. Hemm il-pressjoni ‘l isfel fuq il-pagi mill-gvern stess li biegħ l-EneMalta liċ-Ċiniżi li qed igergru li l-pagi f’Malta għoljin wisq. Hemm in-nuqqas ta’ bejgħ li qed jirriżulta minn dak li jgħidu tal-ħwienet u miċ-ċifri uffiċjali.

Il-kuntrast bejn dak li qed jakkwistaw tal-qalba u dak li akkwistaw il-bqija
Dak li għaddejjin minnu l-ħaddiema u s-self employed hu f’kuntrast ma’ dak li għaddej fost tal-qalba tal-gvern Laburista li għaddejjin jiffangaw fi flus il-poplu. Hemm kwistjonijiet oħrajn li jolqtu lin-nies fil-laħam il-ħaj; is-saħħa, pereżempju, u l-ħarsien tal-ambjent li qala’ daqqa b’diversi deċiżjonijiet tal-gvern Laburista, kollha f’kuntrast mal-paroli sabiħ ta’ sena ilu u li speċjalment joħorġu d-differenza bejn dak li akkwistaw tal-qalba f’din is-sena u dak li akkwistaw il-bqija tan-nies.