Lokali

Filmat: Helena Dalli ma teskludix li Muscat ibiddel il-pożizzjoni tiegħu dwar l-abort ukoll

At this point in time“, mhux se jidħol l-abort – il-Ministru Helena Dalli

Għalissa mhux se jidħol l-abort f’pajjiżna, iżda għalissa ma nistax ngħid x’se jkun qed jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat fix-xhur u fis-snin li ġejjin. Dan hu l-kliem li użat il-Ministru Helena Dalli meta wieġbet mistoqsijiet dwar il-possibbiltà li dan il-Gvern jilleġiżla l-abort f’pajjiżna.

F’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-Unjonijiet Ċivili, il-Ministru Dalli kienet imfakkra mill-ġurnalisti preżenti li Muscat kien qal bl-aktar mod ċar li ma jaqbilx li l-gays jadottaw it-tfal. Iżda issa, ftit aktar minn tliet snin wara, Muscat biddel il-pożizzjoni tiegħu u lleġiżla l-adozzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess sess. Helena Dalli ddefendiet il-fatt li fi tliet snin, Muscat biddel il-pożizzjoni tiegħu minn waħda kontra għal waħda favur.

Għaldaqstant, il-ġurnalisti staqsew jekk Muscat jistax ibiddel il-pożizzjoni tiegħu fil-każ tal-abort, bħalma diġà għamel fil-każ tal-adozzjoni tat-tfal minn koppji gay. Kien hawn li l-Ministru Dalli ftit li xejn kienet ċara għax qalet li ma tistax titkellem f’isem il-Prim Ministru. Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, ġurnalist Ingliż esprima t-tħassib tiegħu għall-fatt li bl-introduzzjoni tal-Liġi li tippermetti l-adozzjoni tat-tfal minn koppji gay ma ngħatax każ it-tħassib tal-poplu Malti u Għawdxi.