Sid ta’ ħanut f’Tas-Sliema spiċċa mressaq il-Qorti tal-Maġistrati wara li allegatament qabad mara tisraqlu b’€2.50 f’bajd tal-Għid u heddidha li, jekk ma kinitx se tagħtih is-somma ta’ €500, kien se jagħmel rapport lill-Pulizija. Raymond Borg ta’ 45 sena minn Ħaż-Żebbuġ ġie mixli li fl-10 ta’ Novembru 2012 u bejn it-12 u d-19 ta’ April 2014 irrikatta lil Anna Maria Cauchi, Għawdxija residenti Tas-Sliema, bil-ħsieb li joħdilha l-flus.
Fil-Qorti, l-Ispettur Jason Sultana qal li l-mara ilha ssofri għal tliet snin minn kundizzjoni magħrufa bħala “kleptomania”, li hi marda li ġġiegħel lil dak li jkun jisraq oġġetti żgħar mingħajr ma jkun irid. Sentejn ilu, il-mara kienet inqabdet fl-istess ħanut tisraq pakkett Weetabix minn impjegat tas-Supermarket V&F. Aktar tard matul il-jum wara s-serqa, sid il-ħanut kien bagħat għaliha biex ikellimha, u talabha ħlas ta’ €1,000 biex ma jsirx rapport lill-Pulizija għax kienet serqitu.
Il-mara kienet qaltlu li ma kellhiex dak l-ammont ta’ flus u għalhekk kienet kitbitlu ċekk bħala garanzija u tagħtu lil sid il-ħanut. Hu kien taha lura l-ktieb taċ-ċekk wara li din kienet tagħtu l-flus li talabha f’kontanti. L-Ispettur Sultana qal li fil-11 ta’ April li għadda, Cauchi marret is-supermarket biex tixtri xi icing sugar, iżda serqet pakkett żgħir li kien fih il-bajd tal-Għid u li dan kien jiswa biss €2.50. L-allegazzjoni fil-konfront tas-sid, din id-darba, kienet li wara li qabadha talabha ċ-ċekk u kiteb is-somma ta’ €500 biex ma jirrappurtahix lill-Pulizija, filwaqt li ġiegħelha tiffirmah.
Il-mara marret titlob parir mill-fergħa tal-bank tagħha u qaltilhom x’kien ġara. Borg qed jiċħad dawn l-akkużi u ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €3,000, kif ukoll bil-kundizzjoni li t-Tlieta u l-Ħamis jiffirma l-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ u jkun id-dar bejn il-11pm u l-4.30am. L-avukat Jason Grima deher għal sid il-ħanut.
//= $special ?>

