Il-politiku estremista Russu Vladimir Zhirinovsky jinsab fil-mira ta’ kritika ħarxa wara li waqt konferenza tal-aħbarijiet, ħeġġeġ lill-għassiesa tiegħu biex imorru jistupraw b’mod vjolenti lil ġurnalista preżenti.
Il-ġurnalista, li għandha sitt xhur tqala, issa qed tirkupra mix-xokk u Zhirinovsky qed ikun investigat.
Fil-mira ta’ dan kollu kien hemm Stella Dubovitskaya li taħdem mar-Russia Today. Hi staqsiet dik li l-ġurnalisti l-oħra preżenti qisuha bħala mistoqsija normali dwar is-sanzjonijiet kontra r-Russja minħabba l-kriżi fl-Ukrajna.
Hu fil-pront beda jgħajjar lill-ġurnalista u sejjaħ żewġ bodyguards biex imorru jbusuha u wara jistuprawha. Hekk kif il-bodyguards avviċinaw lill-mara u wieħed minnhom poġġa jdejh fuqha, ġurnalisti oħra ppruvaw iwaqqfuhom u dawn ukoll sfaw fil-mira tat-tgħajjir ta’ Zhirinovsky, li għandu 67 sena.
Il-każ spiċċa quddiem il-kumitat tal-etika tal-Parlament Russu u l-kumpanija ta’ Dubovitskaya qed tikkunsidra li tieħu passi legali.
Wara, Zhirinovsky, li jmexxi l-Partit Liberali Demokratiku, għamel apoloġija.


