Għaddew ftit aktar minn sena mill-elezzjoni ġenerali u hekk kif elezzjoni tal-Parlament Ewropew, għal darb’oħra l-Partit Laburista reġa’ mhux qed jagħmel distinzjoni bejn Gvern u Partit. Fil-każ tal-proċess elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, jidher li l-Partit Laburista għandu f’idejh informazzjoni li s’issa għadha mhix uffiċjali dwar l-arranġamenti ħalli Maltin li jgħixu u jaħdmu barra jkunu jistgħu jiġu jivvutaw fl-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju.
F’dan il-każ, jidher li l-Partit Laburista diġà hu nfurmat sew b’dak li qed jinnegozja l-Gvern mal-Air Malta fuq dawn it-titjiriet, minkejja li partiti oħra għadhom ma rċievew l-ebda komunikazzjoni f’dan is-sens. Dan qed iwassal biex il-Partit Laburista jieħu vantaġġ fuq il-partiti l-oħrajn li m’għandhom l-ebda informazzjoni jew konferma li l-Gvern laħaq ftehim mal-linja nazzjonali tal-ajru ħalli tipprovdi vjaġġi bi prezz speċjali ftit qabel u ftit wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Xhieda li l-Partit Laburista għandu konferma li din il-possibbiltà se terġa’ tingħata anke f’din l-elezzjoni huma żewġ emails li waslu għand MaltaRightNow.com u li oriġinaw miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Mill-għada li ħareġ l-Avviż fil-Gazzetta tal-Gvern li jħabbar formalment l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, miċ-ĊNL bdew jintbagħtu emails lill-Maltin li jgħixu barra biex jitolbuhom id-dettalji personali għax f’din l-email kien jingħad li hu mifhum li t-titjiriet se jsiru bħas-soltu. Dawn l-istess persuni issa bdew jirċievu email differenti, li fiha l-Partit Laburista jgħid li dawn it-titjiriet issa huma konfermati u għalhekk beda jirreklama uffiċjalment dawn il-vjaggi bl-irħis.
Fl-email jingħad iswed fuq l-abjad li l-Partit Laburista għandu konferma li dawn it-titjiriet se jerġgħu jiġu offruti għal din l-elezzjoni, filwaqt li saħanistra jingħataw id-dettalji ta’ wieħed x’għandu jagħmel biex jibbukkja t-titjira. L-email hi ffirmata minn Charles Pace, li MaltaRightNow.com jinsab infurmat li hu persuna attiva ferm fl-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista. Pace hu eks Kaptan tal-Air Malta, li jidher li gawda minn skema ta’ rtirar kmieni biex illum qed jimmilita fil-Partit Laburista tant li jidher li ġie nkarigat mir-reklamar ta’ dawn it-titjiriet f’isem il-Partit Laburista.
Jidher ukoll li fl-aħħar xhur Charles Pace inħatar mill-Gvern Laburista bħala membru f’wieħed mill-bordijiet ta’ Transport Malta, dak dwar l-Avjazzjoni Ċivili. L-istess sorsi qalulna li bint Charles Pace hi mpjegata fis-Segretarjat Privat tal-Viċi Prim Ministru Louis Grech wara li kienet Assistenta tiegħu meta serva bħala Membru Parlamentari Ewropew. Fl-aħħar xhur, hi ngħatat ukoll ir-rwol ta’ Kordinatur tal-Media għas-Summit taċ-CHOGM, li se jsir f’Malta fl-2015.
//= $special ?>