Kemm il-Partit Nazzjonalista, kif ukoll il-Partit Laburista għażlu li jiffukaw is-slogans tal-kampanji elettorali tagħhom fuq il-kelma Malta. Filwaqt li s-slogan tal-Partit Nazzjonalista hu “Malta Aħjar”, dak magħżul mill-Partit Laburista għall-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew hu “Malta Enerġija Pożittiva”.
Bħall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat nieda s-slogan u l-logo tal-kampanja tal-Partit Laburista fuq Facebook u Twitter. Muscat nieda wkoll filmat li fih jidher waħdu u mingħajr il-kandidati għal din l-elezzjoni, li fih jitkellem dwar x’għamel il-Gvern Laburista fl-ewwel sena tal-leġiżlatura.
Fil-filmat, Muscat tkellem dwar l-ambizzjoni tiegħu u tal-Partit Laburista, jiġifieri li jkun l-ewwel Gvern li jirbaħ din l-elezzjoni bil-maġġoranza tal-voti. Dan wara li l-Partit Laburista se jkun qed imur għal din l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b’vantaġġ elettorali wara li rebaħ l-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew b’distakk ta’ 35,000 vot u l-aħħar elezzjoni ġenerali b’distakk ta’ 36,000 vot.
Joseph Muscat qed juża l-enerġija tiegħu biex jidħak bin-nies
Joseph Muscat qed juża’ l-enerġija tiegħu biex jaqdi lil tal-qalba minflok iwettaq il-ħafna wegħdiet li għamel fl-elezzjoni ġenerali aktar minn sena ilu. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif filwaqt li s-sieħba fin-negozju tal-mara tal-Prim Ministru u l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi żgur li ħassew enerġija pożittiva bil-pagi straordinarji li ngħataw, mhux l-istess jista’ jingħad għall-kważi 8,000 persuna li llum jinsabu bla xogħol u l-anzjani li ta’ kuljum qed isiru jafu li mhumiex fuq il-lista tal-qalba li qed jingħataw il-mediċini b’xejn minn dan il-Gvern. Għalhekk, dawn ikollhom iħallsu minn buthom.
Minflok jinvesti l-enerġija tiegħu biex jisma’ lin-nies, il-Prim Ministru qed ikompli jidħak bin-nies bi stqarrijiet redikoli, bħalma hi li l-Partit Laburista huwa l-underdog f’din l-elezzjoni. Kulħadd jaf li l-għada tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Joseph Muscat se jkun għadu l-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż, iżda jidher ċar li Joseph Muscat jaħseb li jista’ jibqa’ jgħaddi lin-nies biż-żmien bi stqarrijiet redikoli ta’ dan it-tip.
Il-PN sostna li dan hu Gvern li sal-lum ħadem biss għal tal-qalba u li nesa lil kull min emmen tassew li b’Joseph Muscat bħala Prim Ministru Malta kienet se tkun aħjar. Il-Gvern Laburista ma wettaqx dak li wiegħed fil-ħolqien tax-xogħol, il-meritokrazija, it-trasparenza, il-kontabbiltà u fil-qasam tas-saħħa. Minkejja l-wegħdiet kollha miksura ta’ Gvern Laburista, il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem b’mod pożittiv għal Malta aħjar, anke mill-Oppożizzjoni.
Wara sena ta’ Gvern Laburista, il-poplu Malti u Għawdxi issa għandu l-opportunità li jitkellem bil-vot tiegħu, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>