Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-PN iniedi s-sit elettroniku uffiċjali tal-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjonalista nieda s-sit elettroniku uffiċjali tal-kampanja. Is-sit, li jinsab fl-indirizz www.MaltaAhjar.com se jkun aġġornat kontinwament bl-aħħar aħbarijiet mill-kampanja elettorali, informazzjoni dwar il-kandidati tal-PN, kalendarju tal-attivitajiet tal-kampanja u filmati u ritratti ta’ kulma jkun qed jiġri ġurnata wara l-oħra.

Fuq is-sit elettroniku se jittella’ wkoll online il-Manifest Elettorali tal-PN għal din l-elezzjoni, li se jitressaq għall-approvazzjoni tal-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-PN tas-Sibt li ġej. Apparti minn dan is-sit, l-aħbarijiet tal-kampanja elettorali jistgħu jiġu segwiti wkoll mill-Paġni tal-Facebook tal-PN u tal-Kap tal-PN Simon Busuttil, kif ukoll mit-tweets kontinwi li jkunu qed jinħarġu fuq Twitter.

Dan kollu jsegwi t-titjib li għadu kif tnieda fil-portal tal-aħbarijiet ta’ Media.Link Communications www.maltarightnow.com b’verżjoni ġdida u aktar moderna li ġiet varata lbieraħ, proprju lejliet il-ftuħ tal-kampanja elettorali.