Fil-Parlament Libjan beda l-proċess biex jintgħażel Prim Ministru ġdid minflok Abdullah al-Thani li rriżenja l-ġimgħa li għaddiet, ftit ġranet wara li nħatar fil-kariga.
L-għażla se ssir bejn seba’ kandidati.
Al-Thani rriżenja fit-13 ta’ April, ħamest ijiem wara li l-Kungress Ġenerali Nazzzjonali jew il-Parlament, ħatru biex jifforma l-Gvern il-ġdid. Al-Thani qal li hu kien irriżenja għaliex kien fil-mira ta’ attakk.
Hu kien inħatar flok Ali Zeidan li kien tkeċċa xahar qabel mill-Parlament Libjan talli naqas milli jrażżan il-kaos fil-pajjiż.
Il-kandidati prospettivi qed jippreżentaw il-Parlament Libjan bil-programm tagħhom u s’issa għadu mhux magħruf meta se jsir il-vot.
Biex wieħed jiġi maħtur kandidat, irid jirbaħ 120 vot minn 200.
Mis-sebgħa, hemm tlieta li huma meqjusa bħala favoriti. Dawn huma Omar al-Hassi, li hu minn Bengażi, Ahmed Miitig li hu negozjant ewlieni, u Mohamed Buker, eksdirettur fiċ-ċivil.
Imma hemm min għandu d-dubji li l-Parlament se jirnexxilu jaqbel peress li hemm firda kbira bejn il-Membri Parlamentari.
Al-Thani kien stqarr li hu kien irriżenja wara li hu u l-familja kienu fil-mira ta’ attakk armat.
Minn mindu Muammar Gaddafi tneħħa mill-poter fir-rivoluzzjoni Libjana, il-pajjiż għadu ma ġiex stabbli u hemm ħafna vjolenza u rġiel armati jikkontrollaw partijiet tal-pajjiż, fosthom il-bjar taż-żejt.
Minn mindu tneħħa Zeidan, fil-Parlament Libjan bdiet ġlieda għall-poter bejn l-Iżlamiċi u l-liberali.
Il-Parlament kien elett f’Lulju tal-2012 b’mandat ta’ 18-il xahar imma fi Frar, ġedded il-mandat tiegħu stess sal-aħħar tas-sena. Dan il-pass kien ikkritikat minn ħafna Libjani. Wara tħabbar li kienet se ssir elezzjoni ġenerali imma qatt ma tħabbret data għaliha.
//= $special ?>

