Fl-okkażjoni tal-175 anniversarju mill-istatwa ta’ San Ġorġ (kapulavur fl-injam ta’ Pietru Pawl Azzopardi, 1839), l-ewwel statwa titulari ta’ Għawdex, il-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria, Għawdex, qed tniedi programm ta’ ċelebrazzjonijiet speċjali mifruxa fuq April-Mejju u Lulju 2014.
Fost l-avvenimenti ewlenin hemm Velja Solenni tal-Martirju fi Pjazza Indipendenza nhar il-Ħadd li ġej, 27 ta’ April, u Purċissjoni bl-Istatwa l-Ħadd 4 ta’ Mejju fil-għodu.
Għall-okkażjoni, nhar l-Erbgħa li ġej Maltapost plc ħa toħroġ ukoll timbru kommemorattiv li jinkiseb mill-Fergħa tagħha fil-Belt Victoria. Qed jiġu stampati wkoll kartolini ta’ l-okkażjoni b’bolla personalizzata li jistgħu jinxtraw mill-Uffiċċju Parrokkjali tal-Bażilika ta’ San Ġorġ fl-istess jum.
Il-Bażilika ta’ San Ġorġ ħadet l-inizjattiva li l-Maltapost plc toħroġ Timbru Kommemorattiv li sa jkun jista’ jinkiseb mill-Fergħa tal-Belt Victoria, fi Triq ir-Repubblika, nhar l-Erbgħa li ġej, 23 ta’ April 2014, Jum San Ġorġ.
It-timbru juri dettall mix-xbieha ta’ din l-istatwa artistika, li hi meqjusa kapulavur Neo-Klassiku tas-seklu dsatax, u nħadem fuq disinn tas-Sur Anthony Grech u bl-għajnuna ta’ Lombard Bank.
Għall-okkażjoni, il-Bażilika ta’ San Ġorġ qed toħroġ ukoll Kartolina Kommemorattiva kif ukoll Bolla Personalizzata li jistgħu jinxtraw bit-timbru b’kollox mill-Uffiċċju Parrokkjali tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, Triq Karit à, il-Belt Victoria, Għawdex.
Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jċempel fuq 79851118 jew jibgħat email lil info@sangorg.org.
//= $special ?>