Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Malta Aħjar għax Malta jixirqilha aħjar

Il-mira tal-Partit Nazzjonalista hi li Malta tkun aħjar għax Malta jixirqilha aħjar, b’soċjetà, servizzi pubbliċi, ekonomija u gvernar aħjar. Dan qalu l-Kap tal-PN Simon Busuttil waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha spjega t-tema “Malta Aħjar”, li se takkumpanja lill-PN sal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-24 ta’ Mejju li ġej.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said, fil-preżenza tal-11-il kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u Uffiċjali għolja tal-PN, fosthom il-Viċi Kapijiet Mario de Marco u Beppe Fenech Adami.

Simon Busuttil qal li l-PN qiegħed fil-politika biex jagħti sehmu għal Malta Aħjar. Hu spjega li hu b’dan il-messaġġ pożittiv li l-PN se jkun qed iressaq il-kandidati tiegħu għal din l-elezzjoni. Hu qal li l-mira ewlenija tal-PN hi li għall-ewwel darba jtella’ tliet Membri Parlamentari Ewropej wara li fl-aħħar żewġ elezzjonijiet tella’ żewġ MEPs kull darba. Simon Busuttil fakkar li l-PN qed jippreżenta tim ta’ kandidati formidabbli ġejjin minn oqsma differenti.

L-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju se toffri wkoll lill-poplu Malti u Għawdxi l-opportunità li jitkellem u jibgħat messaġġ bil-vot tiegħu għax f’din l-ewwel sena, il-Gvern Laburista ta’ Muscat ma wettaqx il-ħafna wegħdi li għamel lill-poplu, filwaqt li ma żammx il-kelma tiegħu li jibni Malta li hi Tagħna Lkoll, Malta Aħjar. Il-Kap tal-PN qal li fl-ewwel sena tal-Gvern Laburista, Muscat ħoloq rekord ta’ qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Min-naħa tiegħu, il-PN mill-Oppożizzjoni qed jagħti kontribut biex ikollna Malta Aħjar, filwaqt li jaħdem għal kunsens f’diversi oqsma.

Simon Busuttil qal li l-PN hu l-aħjar għażla biex fl-Ewropa jaħdem għal Malta Aħjar. Hu fakkar li llum nofs il-Liġijiet li jiddaħħlu f’pajjiżna jitfasslu fuq livell Ewropew. Hu qal li t-track rekord tal-PN fil-Parlament Ewropew fl-10 snin li għaddew hu wieħed pożittiv u jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak tal-Partit Laburista. Fl-aħħar leġislatura, iż-żewġ MEPs Nazzjonalisti ġabu ħafna aktar riżultati mill-erba’ MEPs Laburisti. Iżda minkejja, li l-PN ħadem bis-sħiħ favur Malta Aħjar fil-Parlament Ewropew, Simon Busuttil qal li din xorta se tkun elezzjoni diffiċli għall-PN.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said qal li l-PN se jwettaq kampanja pożittiva mibnija fuq il-familji, fuq il-ħaddiema, fuq min jimpjega, fuq is-self employed, fuq iż-żgħażagħ, fuq l-istudenti u fuq l-anzjani. Hu qal li l-PN irid li jsaħħaħ lil pajjiżna u jaħdem biex jiżdiedu x-xogħol u l-kummerċ u biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji kollha. Qal li l-PN qed jippreżenta tim ta’ kandidati b’esperjenza vasta.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li fiż-żjarat li saru lill-familji u n-negozji, il-PN fehem il-messaġġ tan-nies. Iżda mhux l-istess jista’ jingħad għall-Prim Ministru Muscat, li qed jirrombla minn fuq kulħadd u mhux iwettaq il-wegħda ta’ Malta Tagħna Lkoll.

Il-konferenza tal-aħbarijiet se terġa’ tixxandar fuq NET Television illum fit-3.30pm