Futbol Sport

Man City jibqgħu fil-ġlieda

Manchester City għelbu 3-1 lil West Bromwich Albion biex telgħu sitt punti taħt Liverpool u punt taħt Chelsea b’logħba anqas u żammew ħajjin it-tamiet tagħhom għar-rebħ tal-Premier League. WBA baqgħu fil-periklu tar-relegation.

City ħadu biss żewġ minuti biex fetħu l-iskor mill-ewwel gowl tal-istaġun tal-Arġentin Pablo Zabaleta li skorja bir-ras wara li Ben Foster salva bla ma żamm xutt qawwi ta’ Sergio Aguero.
Tmien minuti wara kien l-istess Sergio Aguero b’xutt minn 20 metru li rdoppja għat-tim ta’ Pellegrini u deher li għalaq il-logħba kmieni.

Imma WBA kellhom ħsibijiet oħra u fis-16-il minuta reġgħu daħlu fil-logħba b’gowl mill-isbaħ ta’ Graham Dorrans wara kontroll eċċellenti sakemm qabel il-mistrieħ Martin Demichelis tħalla żmarkat minn korner biex skorja t-tieni gowl tiegħu tal-istaġun u għamilhom 3-1 għal City.
Fit-tieni taqsima City baqgħu superjuri imma naqsu li jerġgħu jsibu x-xibka, kienu traskurati u weġġagħlhom ukoll David Silva.

Burnley promossi
Burnley ġew promossi għall-Premier League wara rebħa 2-0 kontra Wigan f’Turf Moor. Ashley Barnes u Michael Kightly minn freekick skorjaw għal Burnley.

Wigan xorta għad għandhom bżonn il-punti biex jaċċertaw post mal-ewwel sitta waqt li Burnley ngħaqdu ma’ Leicester fl-ogħla diviżjoni l-istaġun li ġej.