Tard ilbieraħ filgħaxija, fl-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta, il-kantanta ċkejkna Maltija Federica Falzon ingħatat merħba mill-isbaħ u mill-aktar emozzjonanti minn mijiet ta’ persuni li mlew is-Sala tal-Wasliet biex jilqgħuha lura mar-ritorn tagħha minn Ruma. Il-kantanta Maltija kisbet l-ewwel post fil-Finali tas-Sibt tal-programm “Ti Lascio Una Canzone” fuq Rai Uno.
Fost dawk li marru jagħtuha merħba, kien hemm numru kbir ta’ tfal li f’idejhom kellhom bżieżaq, bnadar ta’ Malta u strixxuni bi kliem ta’ appoġġ għall-kantanta. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli mill-Kultura Owen Bonnici u d-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina.
Mal-wasla tagħha lura Malta, akkumpanjata mill-membri tal-familja tagħha u l-għalliema tal-vuċi Gillian Attard, il-PBS ħabbar li se tkun Federica Falzon li se tirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision, li se jsir f’pajjiżna f’Novembru li ġej. Sadanittant, l-għada tal-wasla tagħha, il-kantanta ta’ 10 snin minn Ħal Safi għamlet żjara ta’ korteżija lill-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja.
Min-naha tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech, fi stqarrija faħħar lil Federica u qal li l-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-konkors fl-Italja turi li l-Maltin għandhom talent kbir. B’hekk, issa jonqos biss li, wara li rebħet il-konkors ta’ din is-sena, Federica terġa’ tikkompeti fil-“Coppa delle Coppe”, fi programm speċjali li se jsir is-Sibt li ġej u li se jlaqqa’ f’kompetizzjoni lir-rebbieħa tas-seba’ edizzjonijiet ta’ “Ti Lascio Una Canzone”.
//= $special ?>