Futbol Sport

Mourinho u Guardiola jistennew merħba ostili

Jose Mourinho u Pep Guardiola, żewġ kowċis b’esperjenza vasta fi Spanja fl-aħħar snin u li kemm il-darba ltaqgħu kontra xulxin, it-tnejn se jkunu qed jirritornaw fil-kapitali Madrid bħala avversarji u jafu tajjeb li l-pubbliku preżenti ħejja għalihom merħba ostili.

Chelsea jżuru lil Atletico Madrid illum u Bayern Munich imorru għand Real Madrid għada fl-ewwel legs mis-semifinali taċ-Champions League.

Il-Portugiż qata’ figura frustranti fi tmiem il-ġimgħa meta ra lil Chelsea jitilfu 2-1 kontra Sunderland, telfa li temmet serje pożittiva ta’ 77 logħba mhux megħlub fil-Kampjonat fi Stamford Bridge għal Mourinho.

Wara dan id-diżappunt, fil-konferenza ta’ wara l-partita, Mourinho sarkastikament feraħ lill-uffiċjal tal-logħba Mike Dean tal-penalty li ta lil Sunderland li skont Mourinho kien ineżistenti, u anke lill-uffiċjal tal-bord Mike Riley li jieħu ħsieb ir-referees fil-Premier.

Illum il-kowċ ta’ 51 sena irid jipprepara lit-tim tiegħu u jikkonċentra fuq dak li jidher hu l-aħjar ċans li għandhom Chelsea li jirbħu unur dan l-istaġun.

Imma r-rebħa mhux se tkun faċli fil-Vicente Calderon kontra tim li qed jirrifjuta wkoll li jċedi l-ewwel post f’La Liga.

It-tim ta’ Diego Siemone rebaħ tmien partiti konsekuttivi fl-ogħla diviżjoni fi Spanja f’dak li hu staġun stupend, u jibqa’ favorit li jieħu t-titlu mingħand iċ-Champions renjanti Barcelona.
Forsi aktar impressjonanti kien il-mod kif Atletico aċċertaw mill-ewwel semi-finali tagħhom fil-kompetizzjoni sa mill-1974 meta ssuperaw lil Barcelona 2-1 aggregate.

Il-mod kif it-tim ta’ Simeone rażżan it-theddida ta’ plejer bħal Messi fuq żewġ legs, kien l-aktar mument sinifikanti.

Chelsea spiss urew il-qawwa tagħhom fiċ-Champions League fl-aħħar staġuni, fosthom meta rebħu l-unur fl-2012 wara l-għoti tal-penalties kontra ċ-Champions renjanti Bayern Munich.
Aktar minn hekk Mourinho, li hu ċert li se jirċievi merħba ostili mill-folla Spanjola, wara ż-żmien imexxi lir-rivali mill-istess belt Real Madrid, qed jittama li jkun hu li jikteb l-istorja billi jsir l-ewwel manager li jirbaħ iċ-Champions League ma’ tliet klabbs differenti wara s-suċċessi li kellu ma’ Porto u Inter.

Imma anke l-progress li għamlu Chelsea biex waslu mal-aħħar erbgħa kien impressjonanti daqs dak ta’ Atletico meta t-tim minn Stamford Bridge għeleb liċ-Champions Franċiżi ta’ Paris Saint Germain 2-0 f’daru biex dawwar żvantaġġ ta’ 3-1 fl-ewwel leg u għadda bil-gowl away.
Jekk Chelsea jħallu l-kapitali Spanjoli b’rebħa fl-ewwel leg, se jkunu għamlu dan mingħajr is-sospiż Branislav Ivanovic waqt li l-attakkant Eden Hazard għadu fid-dubju bi problemi fil-pexxul.

Atletico jista’ jkollhom fil-lasta lill-gowlkiper Belġjan Thibaut Courtois li jinsab misluf mingħand l-istess Chelsea u li kien punt ta’ kontroversja meta ttellgħu l-poloz.

Il-UEFA qalet li l-plejer hu liberu li jilgħab imma issa sta għal Simeone jekk jibdiex bih jew le. Barra dan Simeone għandu dubjuż lill-winger Arda Turan li għadu kemm irritorna għat-taħriġ wara injury fil-groin.

Jirritornaw Neuer u Ronaldo
Fis-semifinali l-oħra ta’ għada, il-gowlkiper taċ-Champions renjanti Bayern Munich Manuel Neuer mistenni li jirritorna għal kontra Real Madrid fil-Bernabeu bit-tama li Bayern jagħmlu pass ieħor li jsir l-ewwel klabb li jżomm it-titlu għat-tieni sena konsekuttiva.

L-internazzjonali Ġermaniż Neuer tilef l-aħħar żewġ partiti wara li weġġa’ l-pexxul fit-telfa 3-0 kontra Borussia Dortmund imma l-gowlkiper ta’ 28 sena tħarreġ bil-ballun il-Ħadd u lbieraħ, u mistenni jkun inkluż fl-ewwel ħdax.

David Alaba wkoll għandu jkun disponibbli wara li tilef ir-rebħa 2-0 tas-Sibt kontra Eintracht Braunschweig minħabba riħ waqt li Diego Contento rritorna għat-taħriġ wara tliet ġimgħa jikkura injury fl-għaksa. Guardiola se jkollu wkoll lura fit-tim lil Schweinsteiger li kien sospiż għat-tieni leg tal-kwarti tal-finali kontra Manchester United.

Sadanittant Real Madrid żvelaw li l-atakkant Portugiż Cristiano Ronaldo temm b’suċċess sessjoni ta’ taħriġ intensiv u wkoll mistenni jirritorna fit-tim ta’ Carlo Ancelotti.

Il-captain Portugiż ilu ma jilgħab sa mir-rebħa fl-ewwel leg tal-kwarti tal-finali kontra Borussia Dotmund fit-2 ta’ April minħabba injury fl-irkobba u problemi f’koxxtu. Imma issa Ronaldo mistenni jkun preżenti biex joħloq problemi lit-tim ta’ Pep Guardiola waqt li Sergio Ramos li dan l-aħħar kellu problmi f’għonqu, wkoll tħarreġ regolari.

Barra dan aħbar oħra pożittiva għal Ancelotti kienet li anke d-difensur Marcelo tħarreġ regolari wara li kien barra bi problemi fil-hamstring.

Anke f’din il-partita Pep Guardiola mistenni jingħata merħba ostili mill-folla tal-Bernabeu wara li għamel żmien twil imexxi lir-rivlai eterni Barcelona.

Real għandhom moral għoli wara li f’nofs il-ġimgħa l-oħra rebħu l-Copa Del Rey meta fil-final għelbu lil Barcelona 2-1 bil-gowl deċiżiv jiskorjah l-internazzjonali ta’ Wales Gareth Bale.