Wara li matul it-13-il xahar li għaddew il-Gvern Laburista żied in-nefqa tiegħu b’mod qawwi kemm minħabba l-akbar Kabinett fl-istorja ta’ pajjiżna kif ukoll minħabba li daħħal aktar minn elf ruħ, l-aktar nies tal-qalba, jaħdmu mal-Gvern, issa l-Gvern irid jieħu passi biex irażżan din in-nefqa.
Ta’ min ifakkar ukoll li ftit xhur wara li ħa l-poter, il-Gvern mill-ewwel daħħal lil Malta f’dak li jissejjaħ l-Excessive Deficit Procedure tal-Unjoni Ewropea minħabba li l-iżbilanċ fil-finanzi ta’ pajjiżna qabeż it-3% tal-Prodott Gross Domestiku.
Issa jidher li fost il-miżuri li l-Gvern Laburista qed jipproponi lill-Kummissjoni Ewropea biex inaqqas l-iżbilanċ se jkun hemm tnaqqis fl-ispiża għas-saħħa.
Dan ħareġ nhar l-Erbgħa waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa li matulha kienet diskussa s-sitwazzjoni Industrijali fil-Qasam tas-Saħħa.
Fost il-kelliema kien hemm Martin Balzan, is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba, il-Medical Association of Malta, li żvela dak li qal il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD li saret ftit jiem qabel.
Martin Balzan għamilha ċara li biex ikunu solvuti l-problemi fil-qasam tas-saħħa, in-nefqa fis-saħħa trid tiżdied u mhux tonqos.
Dan hu sinjal ċar ieħor li dan il-Gvern mhux biss qed jixxaħħaħ mal-poplu f’setturi bħalma huma l-edukazzjoni, il-Kunsilli Lokali u setturi oħra, imma issa qed jixxaħħaħ ukoll mas-saħħa. Dan diġa’ qed iwassal għal ħafna mediċini out of stock, aktar pazjenti fil-kuriduri fl-Isptar Mater Dei u waiting lists għal operazzjonijiet dejjem jitwalu.
Min-naħa l-oħra l-Gvern Laburista mhux jixxaħħaħ ma’ dawk tal-qalba, bħalma huma l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi li tieħu paga ta’ 13,000 ewro fix-xahar. Ma’ Michelle Buttigieg, is-sieħba fin-negozju tal-mara tal-Prim Ministru, li qed tieħu paga ta’ 60,000 ewro fis-sena. Ma’ Miriam Dalli li bħala konsulent fil-Ministeru għall-Enerġija tieħu aktar minn 42,000 ewro fis-sena, u ma’ oħrajn.
U fuq kollox il-Gvern Laburista mhux jixxaħħaħ mal-istess Prim Ministru Joseph Muscat li kera l-karozza privata tiegħu lilu nnifsu u f’ħames snin se jkun ħa madwar 70,000 ewo u l-karrozza tibqa’ xorta waħda tiegħu.
//= $special ?>