Ambjent Lokali

Disa’ snin ta’ suċċess għall-GreenPak

Wara sena oħra ta’ suċċess, il-koperattiva GreenPak għad-9 sena konsekuttiva rreġistrat bilanċ nett fuq l-operat tagħha tar-riċiklar.  L-iskema tal-GreenPak kisbet ukoll l-aqwa riżultati fir-riċiklar sa mit-twaqqif tagħha fl-2005. Dan seta’ jsir biss bis-saħħa tal-impenn kontinwu li għandha għal tmexxija tajba u tal-wegħda, li għamlet fl-2005, li topera bl-inqas spiża possibbli fl-interess tal-ambjent.

Illum, il-GreenPak topera f’Malta u anki Għawdex, u toffri s-servizzi ta’ riċiklar lil aktar minn 65% tal-popolazzjoni Maltija. Aktar minn 1,300 kumpannija qegħdin f’din il-koperattiva ta’ riċiklar tal-iskart tal-ippakkjar u jgawdu mis-servizzi tagħha. Fl-aħħar 12-il xahar issieħbu wkoll tmien Kunsilli Lokali oħra għax għarfu s-servizz ta’ kwalità li tipprovdi. Iċ-ċifri juru li fl-aħħar sena l-kumpaniji msieħba fl-iskema GreenPak irreġistraw żieda ta’ 4.5% fl-irkupru mill-iskart. Il-Kunsilli Lokali kellhom żieda simili fuq ir-riżultati tas-sena ta’ qabel.

Il-GreenPak titmexxa bħala koperattiva u l-iskema tagħha mhix immexxija bil-ħsieb li tagħmel xi profitt. Għalhekk, toffri trasparenza assoluta fil-mod li bih tmexxi l-operat tagħha. Kif jiġri f’koperattivi oħra, il-qligħ li jsir jgħaddi lura għand il-membri. Fil-fatt, sa kwart mill-ħlasijiet li għamlu fl-2013 dawn il-kumpaniji msieħba fiha, se jerġa’ jingħatalhom lura.
Il-kontijiet tal-2013 qed ikunu awditjati minn PwC u se jkunu ppreżentati fil-LĠA fil-15 ta’ Mejju 2014.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GreenPak l-Inġ. Mario Schembri spjega: “F’dawn l-aħħar disa’ snin ħdimna kemm flaħna biex nibdlu l-idea tal-pubbliku dwar ir-riċiklar tal-iskart. Minflok ħlejna ż-żmien nippruvaw noħolqu xi sistema li mbagħad insibu li ma taħdimx,  il-GreenPak adottat l-iskema Green Dot, ippruvata u magħrufa mad-dinja, biex tinċentiva lill-kumpaniji u l-Kunsilli Lokali biex jibdew jaħsbu aktar favur l-ambjent u fl-istess waqt iħaddmu prattiċi li jaqblu għan-negozju tagħhom.”
L-Inġinier. Schembri qal: “Illum, qed nuru bil-fatti li meta tissieħeb mal-GreenPak tkun qed tagħmel l-aħjar għażla. Għażla innovattiva, u favur il-kunċett ta’ negozji ambjentali. B’din l-iskema, l-industrija tgħin lill-komunità tirriċikla aktar. Tgħinhom ikunu sostenibbli għall-ambjent u fl-istess ħin jibqgħu jlaħħqu mal-ħtiġijiet ekonomiċi tan-negozju tagħhom. Qabel, l-imsieħba kienu jsibuha diffiċli biex jirriċiklaw l-iskart tal-ippakkjar, imma issa għandhom skema li qed toffrilhom opportunitajiet ta’ negozju u li tkattar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.”
Għal aktar tagħrif dwar l-iskema GreenPak għall-ġbir tal-iskart u dwar bring-in sites tal-iskart magħżul persuna tista’ żżur is-sit www.greenpak.com.mt, iċċempel fuq 2166 1081 jew tikteb lil info@greenpak.com.mt