Ilbieraħ telqet il-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-24 ta’ Mejju; kampanja li taħbat ftit aktar minn sena mill-elezzjoni ġenerali u li allura tagħti l-okkażjoni għal ġudizzju fuq dak li ġara mill-paroli ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali; ġudizzju dwar jekk Joseph Muscat hux tassew qed iwettaq dak li wiegħed lin-nies.
Elezzjoni b’messaġġ lill-gvern li jkun għadu kemm tela’
Għax għalkemm din hi elezzjoni tal-Parlament Ewropew, iż-żewġ elezzjonijiet simili li saru qabel juru li n-nies jużaw il-vot f’din l-elezzjoni biex ifakkru u jwissu lill-gvern b’libertà meta jafu li din mhix elezzjoni biex jibdlu l-gvern imma elezzjoni li fiha jistgħu jagħtu messaġġi importanti lil dawk li jkunu tellgħu sena qabel. U x’messaġġi hemm sena wara dwar dak li sar mill-wegħdi ta’ sena ilu u dwar il-mod kif il-gvern qed jonfoq it-taxxi li nħallsu?
Muscat jaħseb li Malta tiegħu biss
Sena ilu Muscat wiegħed Malta Tagħna Lkoll, imma llum jekk hawn xi ħaġa ċara li qed juri Muscat hi li jaħseb li Malta tiegħu biss, jiġifieri tan-nies qribu li qed jogħxew fil-karigi u l-ħlasijiet li qed jagħtihom minn flusna, naturalment, mit-taxxi li nħallsu.
Eżempju tal-aħħar: il-kandidat flok l-esperta ewlenija
L-aħħar każ hu t-tneħħija tal-esperta ewlenija Maltija fis-settur sensittiv tas-saħħa mentali biex Muscat ħatar kandidat Laburista li baqa’ l-art fl-aħħar elezzjoni; għax dak li jiswa mhux il-mertu imma jekk għentx lil Muscat, fid-dieher jew bil-moħbi.
Dikjarazzjonijiet foloz u maħfra lill-korruzzjoni u lis-serq
Hemm l-accountability u t-trasparenza li Muscat wiegħed lill-pajjiż sena ilu imma li llum għebu għalkollox mil-lingwaġġ tiegħu għax mill-bidu nett il-kabinett ta’ Muscat fid-dikjarazzjonijiet tal-flejjes għamel ċajta minn dal-kliem, apparti l-ksur kontinwu minn Muscat ta’ kliemu stess hu u jagħti maħfra għall-korruzzjoni u għas-serq ta’ 100 miljun ewro f’elettriku, jiddefendi Ministru li pprova jaħbi inċident li jista’ jpoġġih taħt akkuża kriminali, u l-ħabi tal-kuntatti tal-Labour qabel l-elezzjoni ma’ Henley.
Dawk l-eqreb għal Muscat jaħtfu minn flusna
Malta Tagħna Lkoll, il-meritokrazija, l-accountability u t-trasparenza llum huma l-kejl li bih irridu nkejlu lil min wegħedhom u lill-aktar nies qribu: mis-sieħba ta’ mart Muscat fin-negozju li taha job ta’ 300,000 ewro fuq leġiżlatura New York fejn qed tirreklama n-negozju ta’ martu Michelle, għall-ħabib tal-familja ta’ Muscat, Jeffrey Curmi, b’erba’ promotions f’erba’ ġimgħat biex jilħaq kap tal-forzi armati għal Muscat innifsu li kera l-karozza privata lilu nnifsu u se jkun daħħal 70,000 f’butu.
Il-kejl ta’ Muscat bir-riga tiegħu stess
Dawn huma l-fatti li bihom fl-24 ta’ Mejju għandna ċ-ċans niġġudikaw lil Muscat bir-riga tiegħu stess tal-kliem li tant irrepeta sena ilu imma li llum remiehom mil-lingwaġġ tiegħu u, agħar, remiehom b’fattih.