Aktar studenti se jkunu jistgħu japplikaw għal boroz ta’ studju taht l-iskema “Master It”, hekk kif il-Gvern se jkun qed jalloka għal din l-iskema €1 miljun, li ġejjin minn fondi tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2007 – 2013. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo qal li minħabba li l-fondi li qed ikunu allokati ġejjin minn fondi tal-UE għal perjodu li spiċċa, il-Masters li jridu jsiru permezz tal-ischolarships f’din l-iskema jridu jinbdew issa biex jintemmu sa Ottubru 2015.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, li saret fi SmartCity, Evarist Bartolo kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea 2017 u l-Fondi Ewropej Ian Borg. L-iskema “Master It” ġiet imnedija s-sena li għaddiet u b’kollox gawdew minnha madwar 460 persuna. Għal min ma jirnexxielux japplika taħt l-iskema “Master It”, għandu l-opportunità japplika għal scholarship bl-iskema “Malta Government Scholarship Scheme” (MGSS), li l-Ministru Evarist Bartolo ħabbar li se jsir aktar investiment fiha.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg ħabbar li fil-bidu ta’ Mejju se tkun qed issir laqgħa mal-Oppożizzjoni, li fiha se jitħabbru dettalji tal-programm ta’ fondi tal-UE għall-Bagit li jmiss, li jkopri s-snin 2014 – 2020, u wara jkun imniedi proċess li fih il-pubbliku wkoll ikun infurmat bil-programm ta’ kif se jitqassmu l-flus mill-UE. Fi Frar 2013, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi rnexxielu jassikura għal pajjiżna total ta’ €1,128 miljun mill-Baġit Ewropew 2014 – 2020.
//= $special ?>
