Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Għandna nfaħħru s-sehem ta’ kumpaniji li kapaċi jibdlu l-isfidi ambjentali f’opportunità – Jonathan Shaw

It-tibdil ambjentali joffrilna sfida u għaldaqstant wieħed għandu jfaħħar is-sehem ta’ kumpaniji li jagħrfu jibdlu din l-isfida f’opportunità u joħolqu prodotti u servizzi biex iwieġbu għal din l-isfida. Dan qalu l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Jonathan Shaw waqt żjara lill-kumpanija Smart Light Systems, li tipproduċi dwal LED li jiffrankaw sa 99% tal-konsum tal-elettriku.

Waqt iż-żjara fit-Technopark tal-Mosta, Jonathan Shaw faħħar l-impenn imprenditorjali mid-diretturi ta’ din il-kumpanija, li rnexxielhom joħolqu prodott innovattiv għas-suq Malti u dak barrani. Id-Direttur tal-kumpanija Jonathan Borg spjega li l-kumpanija ilha mill-1999 tipproduċi dwal LED u dan l-aħħar firxet il-ħidma tagħha fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp. Illum il-kumpanija tiffoka fuq l-enerġija li tiġġedded u dawl li jaħli anqas. Jonathan Shaw faħħar l-impenn tal-kumpanija fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif titlob il-politika “Horizon 2020” tal-Unjoni Ewropea.

Smart Light Systems qed taħdem ukoll mal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex fuq dwal tas-sinjali tat-toroq minn dwal LED, li huma mfassla apposta għas-suq Malti. Dawn is-sinjali jikkunsmaw anqas u għandhom il-vantaġġ li wieħed m’għandux għalfejn iħaffer biex jinstallahom. Jonathan Borg spjega li minn Lulju li ġej, il-kumpanija se tagħmel ukoll l-ewwel sinjali tat-traffiku fl-Irlanda. Din il-kumpanija timpjega 28 persuna, li 25 minnhom huma nisa. Id-Direttur tal-kumpanija spjega li l-kumpanija temmen ħafna fis-sehem tal-mara fis-suq tax-xogħol.

Min-naħa tiegħu, Jonathan Shaw faħħar din l-inizjattiva u spjega kif l-edukazzjoni għandha tkompli timmira biex issaħħaħ ir-rwol tan-nisa f’oqsma varji tax-xogħol.