Qorti

Għaxqi mixli bl-attentat ta’ qtil fil-Ħamrun sbieħ it-Tnejn

Raġel ta’ 31 sena minn Ħal Għaxaq inżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti u wieġeb mhux ħati li pprova joqtol żewġt irġiel oħra billi sparalhom wara argument f’ħanut tax-xorb fil-Ħamrun. Il-każ seħħ fis-sigħat bikrin tat-Tnejn li għadda filgħodu f’bar fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Ir-raġel kien qed jixrob hemm ma’ persuni oħrajn sakemm inqala’ argument bejnu u żewġt irġiel oħra dwar fastidju fuq mara li kienet preżenti fil-ħanut.

Hu telaq mill-post u mar jagħmel rapport kontra ż-żewġt irġiel fl-Għassa tal-Pulizija tal-Marsa. Wieħed mill-Pulizija fl-Għassa qallu biex imur bil-kwiet għax kienu se jieħdu ħsieb kollox huma. Ir-raġel, li kien fil-kumpanija ta’ persuna oħra, obda wara li l-Pulizija qalet lil sieħbu biex iwasslu għax deher ukoll li kien xurban.

Madankollu, meta r-raġel wasal id-dar baqa’ jhewden dwar x’kien ġara u għall-ħabta tas-12.45am qabad is-senter u reħilha lejn il-ħanut tax-xorb fejn kien. Hekk kif wasal ftit passi bogħod mill-ħanut, hu spara diversi tiri lejn il-faċċata tal-ħanut, bil-bieb tal-ħġieġ jinfaqa’ u jweġġgħu wkoll xi persuni li kienu fil-ħanut. Carmelo Vella u Ryan Fleri, iż-żewġt irġiel li l-akkużat kellu xi jgħid magħhom, sofrew xi feriti ħfief. Ir-raġel, li jaħdem bħala printer, qed jiġi mixli bl-attentat ta’ qtil taż-żewġt irġiel, li kkawżalhom feriti ħfief, li ġarr fuqu arma u li ddisturba l-paċi pubblika.

Id-Difiża, permezz tal-avukat Noel Bianco, talbet għal-libertà proviżorja għax dan kien inċident sfortunat li spiċċa ħażin. L-avukat qal li l-akkużat mar id-dar biex jikkalma, iżda għal xi raġuni mhux magħrufa moħħu qallu biex jagħmel xi ħaġa oħra. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-Difiża u qalet li minkejja li r-raġel ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija, hemm il-biża li jistgħu jiġu kontaminati l-provi għax hemm persuni pajżana li għad iridu jixhdu fil-każ.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale qabel mal-Prosekuzzjoni u qal li għadu kmieni wisq biex l-akkużat jingħata l-libertà proviżorja f’dan l-istadju. Madankollu, hu talab lid-Direttur tal-Ħabs biex iżomm lill-akkużat fis-sezzjoni Forensika tal-Isptar Monte Carmeli. L-Ispetturi Sarah Magri u Saviour Baldachino mexxew il-Prosekuzzjoni.