Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Hu d-dmir tagħna li noħolqu l-aqwa klima biex in-negozji jimirħu – Simon Busuttil

Malta Aħjar tfisser li d-dmir tagħna bħala politiċi għandu jkun li noħolqu l-aqwa klima biex in-negozji jimirħu u jkollhom spazju fejn jisfruttaw l-opportunitajiet. Malta Aħjar għandha bżonn diversifikazzjoni tal-ekonomija tagħna. Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busutti fi żjara li għamel fil-kumpanija Attard & Co, akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Chris Said u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia.

Il-kumpanija Attard & Co, li tiġbor fi ħdanha numru ta’ kumpaniji li joperaw f’oqsma differenti. Il-Kap tal-PN intlaqa’ mid-Direttur tal-kumpanija Hugh Arrigo. Arrigo faħħar it-tim ta’ Attard & Co, li hu mżejjen b’esperjenza, lealtà, kontinwazzjoni u mpenn mill-membri tat-tim tal-kumpanija. Qal li fl-aħħar snin, il-kumpanija bbenefikat ukoll minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-PN spjega li bid-dħul ta’ Malta fl-UE, in-negozji Maltin ingħataw l-opportunità li joperaw f’suq ta’ nofs biljun persuna u f’network akbar ta’ swieqi internazzjonali li jinnegozjaw mal-UE. Madankollu, hemm bżonn li tkun ġenerata l-ekonomija u indikatur li dan mhux iseħħ hu r-rata tal-qgħad li qed togħla. Busuttil qal li l-Gvern Laburista ddeċieda li jipprova jsolvi l-problema billi jimpjega mijiet ta’ persuni tal-qalba mas-settur pubbliku, filwaqt li ħalla madwar 8,000 persuna barra għax mhumiex tal-qalba.

Il-Kap tal-PN irrefera wkoll għal dak li qal il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan dwar it-tħassib tieghu għal tnaqqis fin-nefqa tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa. F’dan il-qasam, il-Gvern għandu jtejjeb il-kwalità u mhux inaqqasha billi jnaqqar mill-investiment f’qasam tant importanti, temm jgħid Simon Busuttil.