Skont il-Ministru tas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi, fl-aħħar sena l-mediċini out of stock naqsu u mhux żdiedu, filwaqt li l-Gvern issa se jniedi diversi pjani biex jilqa’ għall-isfidi fis-settur tas-saħħa. F’kummenti lill-ġurnalisti waqt żjara fis-suq tal-Birgu bħala parti mill-kampanja elettorali Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Ministru Mizzi tkellem dwar is-settur tas-saħħa u qal li hu għandu pjani biex isolvi l-problemi tal-Emerġenza, tan-nuqqas ta’ sodod u l-iffullar u anki tal-waiting lists.
Il-Ministru Mizzi kkonferma li d-deċiżjoni li ħa l-Gvern Laburista stess f’Settembru meta kien għad hemm fit-tmexxija tas-Saħħa Godfrey Farrugia, jiġifieri li jifred l-Isptar Monte Carmeli mill-kura fil-komunità, issa ġiet mibdula. B’hekk, issa se jerġa’ jkun hemm Direttur wieħed reponsabbli miż-żewġ oqsma, kif kienet iddaħlet minn Gvern Nazzjonalista biex issir qabża fil-kwalità fil-kura tas-saħħa mentali.
Id-deċiżjoni li ż-żewġ karigi jinqasmu kienet wasslet biex il-fundatriċi tal-Fondazzjoni Richmond Dolores Gauci, persuna ta’ esperjenza kbira f’dan il-qasam u li kienet intagħżlet minn panel ta’ esperti u professjonisti wara sejħa pubblika, l-ewwel ġiet relegata f’waħda mill-karigi umbagħad ġie terminat il-kuntratt tagħha lejliet li kellu jiskadi ż-żmien tal-probation. Dan wassal biex inħoloq spazju ħalli f’din il-kariga jiddaħħal l-eks Sindku u kandidat Laburista Clifton Grima, li hu avukat u bl-ebda mod ma kien involut qabel f’dan is-settur.
Jidher li issa l-Gvern biddel din id-deċiżjoni li ħa hu stess għax ingħata parir mill-esperti li hekk għandu jsir għall-ġid ta’ dan il-qasam. Madankollu, skont il-Ministru Mizzi, dan ma jfissirx li l-Gvern ammetta li għamel żball.
Stqarrija tal-PN:
Konrad Mizzi jikkonferma li s-settur tas-saħħa ma marx għall-aħjar fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista
Il-Ministru Konrad Mizzi kkonferma li Gvern Laburista ħela l-ewwel sena tal-leġiżlatura fis-settur tas-saħħa. Minkejja li ilu aktar minn sena fil-Gvern, Muscat għad m’għandu l-ebda soluzzjoni għall-isfidi fil-qasam tas-saħħa, inkluż il-problema li reġgħet tfaċċat tal-waiting lists, il-mediċini out of stock u l-kriżi tas-sodod u l-iffullar fl-Isptar Mater Dei.
Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech, il-Partit Nazzjonalista nnota li wara l-manuvrar kollu li sar fil-qasam tas-saħħa mentali, il-Gvern Laburista issa ddeċieda li jreġġa’ lura l-istrutturi għal kif kienu qabel Settembru 2013. Dan juri għal darb’oħra li l-unika bidla li għamel Gvern Laburista f’dan is-settur fl-ewwel sena tal-leġiżlatura kienet bidla għall-agħar u mhux favur Malta Aħjar.
Il-PN fakkar kif il-bidla li saret fl-2013 kienet biss intiża biex titwarrab l-eks Kap Eżekuttiv Dolores Gauci, li kellha esperjenza twila, inkluż rikonoxximent barra minn xtutna u li kienet qed taħdem għal Malta Aħjar. Minflokha, Gvern Laburista appunta lill-kandidat Laburista Clifton Grima, li m’għandux esperjenza f’dan is-settur daqstant sensittiv. L-isfortuna hi li r-rigress fil-qasam tas-saħħa mentali qed ikollhom iħallsu għalih il-pazjenti u l-qraba tagħhom.
Il-PN qal li s-settur tas-saħħa hu sensittiv wisq biex il-Gvern idawwru f’ballun politiku għall-iskopijiet partiġġjani tiegħu. Il-poplu Malti u Għawdxi jistenna bir-raġun li l-Gvern ta’ Muscat ma jibqax juża’ karigi u strutturi daqstant sensittivi biex jaqdi lil tal-qalba, iżda li verament jaħdem għal Malta Aħjar għall-poplu kollu kemm hu, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>