Ewropa Internazzjonali

Ir-Russja mħeġġa tgħaddi ‘mill-kliem għall-azzjoni’

UKRAJNA – Il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li r-Russja ‘teħtieġ tgħaddi mill-kliem għall-fatti’ jekk tassew għandha l-ħsieb li ttaffi l-kriżi tal-Ukrajna.

Fl-istess ħin, Biden wissa li ‘Moska tista’ tispiċċa aktar iżolata f’każ li tkompli bl-aġir provokattiv tagħha’. Dan meta l-Istati Uniti enfasizzat mar-Russja biex ma tkomplix bl-allegat appoġġ għall-militanti li qed jappoġġjaw lil Moska fit-territorji Ukreni tal-Lvant.

Joe Biden ressaq il-messaġġ partikolari waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fi Kiev, flimkien mal-Prim Ministru Ukren proviżorju, Arseniy Yatsenyuk.

Intant, u meta qabel kien kellem lid-deputati parlamentari tal-Ukrajna, Joe Biden għamilha ċara li l-Istati Uniti qed tappoġġja lill-Mexxejja l-ġodda fi Kiev fil-konfront tal-aħħar ‘theddid umiljanti’ ( bil-kumment jitqies bħala referenza diretta għar-Russja).

Il-Viċi-President Amerikan wassal ukoll messaġġ lis-separatisti fl-Ukrajna li qed jappoġġjaw lir-Russja u ħeġġiġhom biex jirtiraw mill-bini tal-gvern u ċ-checkpoints li huma qed jikkontrollaw fl-artijiet Ukreni tal-Lvant.

Madankollu Joe Biden qal ukoll li l-Ukrajna qed tiffaċċja l-problemi reali u li l-awtoritajiet fi Kiev għandhom jaħsbu biex irażżnu l-korruzzjoni. Hu, imbagħad, ħabbar li l-Istati Uniti għandha tipprovdi mal-50 miljun dollaru addizzjonali bħala għajnuna lill-Gvern tal-Ukrajna biex jimplimenta r-riformi politiċi u ekonomiċi.

Sadanittant, saru l-funerali ta’ tlett irġiel li nqatlu, nhar il-Ħadd, waqt raid fuq checkpoint li kien mgħasses minn separatisti armati, qrib il-belt Ukrena ta’ Sloviansk. Ħadd ma jaf ir-raġuni wara l-attakk, bl-awtoritajiet fi Kiev isostnu li l-azzjoni kienet ‘provokazzjoni li organizzaw qawwiet speċjali tar-Russja biex jixprunaw l-inkwiet’.

Intant, ir-Russja akkużat lill-awtoritajiet fi Kiev talli m’humiex jirrispettaw il-ftehim li ntlaħaq jiem ilu f’Ġinevra (fl-Iżvizzera), u li hu intiż lejn soluzzjoni tal-kriżi ‘Ukrajna’.

Ir-Russja, l-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti laħqu ftehim li jinsisti għal tmiem tal-vjolenza fl-Ukrajna al-Lvant u biex il-gruppi armati ‘illegali’ jċedu l-armamenti u jabbandunaw il-bini li qed jokkupaw f’dawk l-inħawi.

Filwaqt li r-Russi għadhom jiċħdu li organizzaw ‘huma’ l-ħtif tal-bini fl-artijiet Ukreni tal-Lvant, l-Istati Uniti fasslet pjani għal aktar sanzjonijiet ekonomiċi fil-konfront ta’ Moska, u f’każ li r-Russja ma timxix mal-obbligi elenkati mill-Ftehim ta’ Ġinevra.

Min-naħa tiegħu, l-Prim Ministru Russu, Dmitry Medvedev, ilbieraħ, qal lill-Parlament ta’ Moska li pajjiżu jkun jista’ ‘jtaffi l-konsegwenzi’ ta’ kwalunkwe sanzjonijiet ġodda.