Kultura Lokali

L-ET l-Arċisqof iżur lil Island Insurance Brokers

“Kull ħaddiem għandu jkun fiċ-ċentru ta’ fejn jaħdem u l-impenn ta’ kull ħaddiem għandu jkun dak li jagħti l-ħidma tiegħu b’mod ġust u fl-istess waqt, b’mod li d-dinjità u x-xogħol tiegħu jibqgħu rispettati.”

Dan qalu l-ET Pawlu Cremona, Arċisqof ta’ Malta waqt quddiesa li qaddes matul żjara fil-binja ta’ Island Insurance Brokers f’Triq Psaila f’B’Kara. Iż-żjara kienet organiżżata bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 anniversarju mit-twaqqif ta’ Island Insurance Brokers.

L-Arċisqof kien milqugħ minn Lawrence Pavia, Direttur Maniġetjali ta’ Island Insurance Brokers li dawwar lill-Arċisqof madwar l-uffiċini u laqqgħu ma’ l-impjegati kollha fejn kellu ċ-ċans li jkellimhom kollha wieħed wieħed.

L-Arċisqof imbagħad qaddes quddiesa ġewwa l-uffiċju bis-sehem ta’ l-impjegati u l-management kollu.

Fl-omelija qasira tiegħu, l-Arċisqof ħeġġeġ lill-impjegati kollha sabiex iħarsu lejn ix-xogħol tagħhom ta’ kuljum bħala opportunità li tgħinhom jiksbu u jsaħħu d-dinjità li x-xogħol jagħti.

“Mingħajr ma nħallu x-xogħol jirkibna u jikkamdalna l-kumplament ta’ ħajjitna b’mod li jnaqqsilna mill-umanità tagħna, hemm bżonn li nħarsu lejn xogħolna bħala rigal li permezz tiegħu, inwasslu l-kontribut individwali tagħna lejn soċjetà aħjar u bħala opportunità sabiex insiru persuni aħjar,” qal l-Arċisqof.

Fi tmiem iż-żjara, Lawrence Pavia ippreżenta lill-Arċisqof b’donazzjoni b’riżq id-Dar tal-Providenza.