L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta llum laqa’ l-ewwel titjira fil-ġimgħa minn Nantes, Franza operata minn Transavia, kumpanija low-cost Franċiża mwaqqfa minn Air France u KLM Group.
Transavia tipprovdi titjiriet skedati u charter għal aktar minn 100 destinazzjoni u kienet magħżula bħala ‘Best Low-Cost’ u ‘Best Charter Airline’ mis-settur tal-ivjaġġar Olandiż għall-ħames darba konsekuttiva fl-2013.
Il-passiġġieri ġew milqugħa minn żeffiena libsin kostumi tradizzjonali Maltin u ngħataw fjura, korteżija tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
Ġie wkoll ippreparat kejk għall-okkażjoni, bid-disinn tiegħu jenfasizza l-aspetti ta’ Malta u Nantes kif ukoll tal-kumpanija Transavia.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Markus Klaushofer, ikkummenta li t-tnedija ta’ rotta ġdida Transavia lejn Nantes tkompli tkabbar it-taħlita b’saħħitha li jgawdi s-suq Franċiż, liema suq huwa servut minn għadd ta’ msieħba tal-ajru, fosthom Air Malta, li permezz tal-ftehim codeshare reċenti tagħha ma’ Air France tagħmel titjiriet lejn Pariġi u Lyon. Air Malta u Ryanair joffru titjiriet lejn Marseille, filwaqt li Air France itiru lejn Toulouse .
Is-Sur Josef Formosa Gauci, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu laqa’ l- espansjoni tan-network ta’ Transavia fi Franza lejn Nantes, li permezz tagħha Malta issa għandha konnessjoni regolari mal- Majjistral ta’ Franza, u li b’riżultat ta’ dan, il-pajjiż huwa konness mar-reġuni kollha ewlenin fi Franza .
Transavia diġà topera titjiriet diretti lejn Malta minn Pariġi Orly u Amsterdam Schipol.
Aktar informazzjoni tinstab fuq is-sit www.transavia.com