Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li għalkemm l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej hi elezzjoni diffiċli ħafna, il-Partit Nazzjonalista għandu qalb kbira u għalkemm jista’ jiġi attakkat u mgħajjar, xejn m’hu se jwaqqfu jew jaqtagħlu qalbu milli jagħmel Malta Aħjar.
Dan enfasizzah il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta lbieraħ ħa sehem fl-ewwel laqgħa ta’ djalogu fil-Mosta fil-kampanja għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew – kampanja li għaliha l-Partit Laburista fil-Gvern qiegħed jerġa’ juri li għandu mezzi finanzjarji kbar meta qiegħed ikompli dejjem aktar jaqdi lil tal-qalba u lin-nies qrib tiegħu f’kampanja mimlija wkoll xenxilli u mimlija billboards anke mill-mezzi pubbliċi kollha li qed juża.
Filwaqt li sellem lit-tim qawwi u b’saħħtu ta’ kandidati kollha li se jikkontestaw f’isem il-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista jrid Malta aħjar għaliex dejjem ħadem bil-qalb għal dan il-għan. Dan għamlu meta kien fil-Gvern u qed ikompli jagħmlu issa anke mill-Oppożizzjoni. Dan hu wkoll l-animu li bih inbena t-tim ġdid tal-partit.
Il-Kap Nazzjonalista qal li jrid li jmexxi Oppożizzjoni effettiva u kostruttiva li tfittex il-kunsens u l-koperazzjoni biex taħdem għall-għaqda fost il-poplu. Hekk trid taħdem mill-Oppożizzjoni fil-Parlament Malti, u hekk iridu jaħdmu dawk li jkunu eletti f’isem il-poplu Malti fil-Parlament Ewropew.
Simon Busuttil qal li meta wieħed iħares lejn dak li wettaq il-Gvern Laburista fis-sena li ilu fil-Gvern iwassal lilu u lill-poplu biex jirrealizza li Malta jixirqilha aħjar.
Filwaqt li qabel l-elezzjoni, Joseph Muscat qal li kien se jsolvi l-problema tal-mediċini b’xejn, illum qed naraw li s-sitwazzjoni marret għall-agħar. Jekk qabel kien hawn nuqqas ta’ mediċini, illum xorta hawn nuqqas u qed isiru wkoll preferenzi ma’ nies li huma tal-qalba b’diskriminazzjoni kontra min ma jaqbilx mat-twemmin tal-Gvern u saħansitra ma’ min jaqbel iżda mhux tal-qalba.
“Il-Gvern imissu jistħi għal dak li qed jagħmel. Dan hu għal kollox kontra dak li Joseph Muscat kien jgħid qabel l-elezzjoni li se jibni soċjetà li fiha Malta tkun Tagħna Lkoll.”
Wegħda oħra tal-Mexxej Laburista madwar sena ilu, fisser Simon Busuttil, kienet dik li għandu s-soluzzjonijiet għal min irid ix-xogħol. Ir-riżultati juru li l-qgħad qed jiżdied xahar wara xahar. Meta l-poplu jħares lejn dak li wettaq il-Gvern matul is-sena li għaddiet jibda jistaqsi lilu nnifsu jekk Joseph Muscat wettaqx il-wegħda tal-meritokrazija. Jistaqsi jekk tejjibx is-servizzi tas-saħħa. Jistaqsi jekk irnexxilux jipprovdi garanziji għall-postijiet tax-xogħol u jistaqsi wkoll jekk fl-Unjoni Ewropea, Joseph Muscat ħadimx fl-interess tal-pajjiż.
Għall-wegħda tal-meritokrazija, Joseph Muscat wieġeb bil-favuri lil tal-qalba u tal-familja. Għall-wegħda ta’ servizz tas-saħħa aħjar, wieġeb bi tnaqqis fil-livell tas-servizz u issa qed joħorġu aktar stejjer ta’ favuri u diskriminatorji bbażati fuq il-kulur tal-politiku tal-pazjent. Għall-wegħda ta’ Malta l-aqwa fl-Ewropa Joseph Muscat wieġeb billi waqqa’ għaċ-ċajt isem pajjiżna mad-dinja.
Għall-wegħda tax-xogħol, Joseph Muscat qed iwieġeb billi jaħbi l-problema tal-qgħad u bl-impjiegi ta’ ħaddiema fis-servizz ċivili. Il-PN offra l-kollaborazzjoni tiegħu biex ikun hawn pjan maqbul għall-ħolqien tax-xogħol. Iżda l-Gvern irrifjuta l-id tal-ħbiberija b’sens ta’ pika u ksuħat.
Simon Busuttil qal li l-elezzjoni għall-Membri tal-Parlament Ewropew hi okkażjoni biex il-poplu jibgħat messaġġ ċar lill-Gvern li mhux iżomm mal-wegħdiet tiegħu. Għandu jkun messaġġ biex ifiehem lill-Gvern li mhux se jaċċetta li jitwarrbu l-wegħdiet li saru u minflok jitwettqu affarijiet mhux imwiegħda.
Għall-Partit Nazzjonalista din se tkun elezzjoni diffiċli. Iżda l-PN mhux nieqes mill-qalb. Il-PN jista’ jkun attakkat u mgħajjar iżda xejn m’hu se jaqta’ l-qalb qawwija li għandu biex jaħdem għal Malta Aħjar.
Il-Membri Parlamentari Maltin kif ukoll dawk eletti fil-Parlament Ewropew iridu jkomplu juru qalb kbira biex iservu lill-poplu. Il-PN se jkompli jwassal il-messaġġ tiegħu biex juri lill-poplu li hu partit awtentiku mhux mibni fuq is-slogans vojta li minflok jgħaqdu jispiċċaw jifirdu.
“Irridu nistinkaw sal-aħħar biex nibnu mill-ġdid il-fiduċja tal-poplu fil-Partit Nazzjonalista. B’hekk il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun il-partit li tassew jagħmel Malta Aħjar,” temm il-Kap Nazzjonalista.
//= $special ?>