Laqgħa ta’ korteżija bejn il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u Dolores Cristina, li kienet ikkonfermata bħala l-Aġent President, iffukat fuq l-aspett soċjali, id-drittijiet ta’ persuni fil-bżonn kif ukoll setturi oħra tas-soċjetà li jeħtieġu aktar appoġġ ħalli jegħlbu l-isfidi.
Fil-bidu tal-laqgħa, il-President ta’ Malta esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li Dolores Cristina kienet maħtura mill-ġdid Aġent President. Min-naħa tagħha Dolores Cristina wegħdet l-appoġġ sħiħ tagħha għall-ħidma li se tkun qed twettaq il-President il-ġdid ta’ Malta.
Fil-passat, minkejja li ġejjin minn partiti politiċi opposti, Marie Louise Coleiro Preca u Dolores Cristina ħadmu flimkien fuq diversi aspetti soċjali. Ħadu wkoll pożizzjonijiet simili meta kienu fil-movimenti tan-nisa tal-partiti rispettivi. Għal Marie Louise Coleiro Preca u Dolores Cristina din il-ħidma issa tista’ tkompli tissaħħaħ permezz tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta.
Ghal Coleiro Preca u Cristina, il-fatt li żewġ nisa qed jokkupaw dawn iż-żewġ karigi tant importanti fil-pajjiż hu messaġġ pożittiv fih innifsu u għandu jwassal messaġġ pożittiv lin-nisa fis-soċjetà biex jiksbu aktar fiduċja fihom infushom. Il-President u l-Aġent President identifikaw numru ta’ oqsma li se jingħataw prijorità, fosthom l-ugwaljanza, ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà, il-persuni bi bżonnijiet speċjali u t-tfal.
//= $special ?>