Rugby Sport

Malta titla’ fl-40 post fir-ranking mondjali

RUGBY – Wara erba’ partiti internazzjonali dan l-istaġun fid-Diviżjoni 2A tal-Kampjonati tan-Nazzjionijiet Ewropej tar-Rugby, li minnhom Malta kisbet tliet rebħiet, it-tim nazzjonali issa tela’ jokkupa l-40 post fir-ranking mondjali.

Malta għelbet lill-Litwanja, l-Kroazja u l-Iżvizzera waqt li tilfet biss kontra l-Olanda li kien it-tim promoss mill-grupp.

Bla dubju dan is-suċċess kien dovut għad-dedikazzjoni kbira ta’ għadd ta’ persuni li jaħdmu bla waqfien minn wara x-xena waqt li l-plejers nazzjonali iddedikaw il-ħin liberu tagħhom biex jiġu jilagħbu għal Malta.

Mertu għal dan it-tragward imur ukoll għall-uffiċjali tat-tim Danny Sacco u Steve Busuttil kif ukoll id-direttur tekniku u kowċ nazzjonali Damian Neill.

“Mingħajr dawn il-ħafna voluntiera ma nistgħux nittamaw li niksbu u nżommu dak li ksibna s’issa. Il-mira hi li nkomplu navanzaw imma din ma tistax tintlaħaq mingħajr appoġġ finanzjarju u nvestiment fl-iskola taż-żgħażagħ. Barra dan anke l-faċilitajiet iridu jkunu disponibbli tul is-sena kollha għall-ġid tal-isport,” qal Niell.

Il-President tal-MRFU Brian Dalton qal, “Matul is-snin l-għajnuna li rċevejna dejjem kienet limitata u wasalna fejn wasalna kważi bil-ħila tagħna biss u bl-appoġġ imprezzabbli tal-isponsors u l-imsieħba tagħna. Qed ikollna problemi kbar finanzjari fuq bażi regolari biex inkampaw ma’ dan is-suċċess u issa nemmnu li l-Gvern u l-oppożizzjoni qed jemmnu aktar fina u jistgħu jgħinuna biex inkabbru s-suċċess. Irridu naħdmu ma’ kulħadd għall-ġid tal-isport.”

Malta spiċċat it-tielet fid-Diviżjoni 2A u dan ifisser il-21 post fl-Ewropa, l-Olanda kienu promossi f’Div 1B waqt li l-Kroazja u l-Litwanja għandhom bżonn play-off kontra Andorra għal post f’Diviżjoni 2A għaż-żewġ staġuni li ġejjin. Ir-Repubblika Ċeka kienu relegati minn 1B u l-Iżrael promossi minn 2B.