Fl-aħħar jiem tħabbru dettalji dwar il-‘Golden Gloves Fight Night’, attivita’ li se ssir fil-25 t’April u li hi mistennija li tagħti lill-pubbliku l-aqwa u l-aktar ġlied fil-boxing spettakkolari.
L-attivita’ se ssir fl-MFCC f’Ta’ Qali u qed tittella’ minn ‘Dixon’s Pain Academy’ bil-kollaborazzjoni ta’ ‘Prive’ Events’.
Id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha, Scott Dixon spjega li l-boxing huwa sport serju, u ma jintlgħabx bl-istess mod kif wieħed jilgħab sport ieħor.
Scott Dixon rebaħ it-titlu ta’ Champion tad-Dinja tal-boxing tlett darbiet.
Il-pubbliku li jattendi għal ‘Golden Gloves Fight Night’ għandu garanzija li se jkun jista’ jsegwi fost l-aktar ġlidiet spettakolari, fosthom dik bejn Scott Dixon u Philip Kotey u Billy ‘The Hitman’ Corito u Taras Varava.
Se jkun hemm ukoll ġlieda wkoll bejn il-Malti Franco ‘el Tornado Fenech’ li se jkun qed jiġġieled kontra ‘Ashvin Diolle’ tal-Ingilterra.
L-azzjoni fil-ġlied minn talent Malti żgur li mhux se tonqos, b’ġlied bejn Jake ‘The Snake’ Camilleri, Duncan Calleja, ‘Nur il-Fire’, Michael ‘The Hurricane Carter’, Jamie Caruana, Clayton Vella u Keith Azzopardi.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Scott Dixon qal li l-boxers irid ikollhom ix-xewqa, id-determinazzjoni u d-devozzjoni. Dan ifisser li l-boxer irid jindaga f’eżerċizzju fiżiku il-ġurnata kollha, minkejja impenji oħra.
Scott Dixon innifsu se jkun qed jiddefendi t-titlu tiegħu ta’ Champion tal-WBU Super Middleweight f’logħba kontra l-promettenti Philip Kotey, li ġej Malta b’rekord ta’ 29 rebħa, b’22 minnhom ikunu knockouts.
“Dan huwa l-anniversarju tiegħi… in-nofs ċentinarju tiegħi ta’ ġlied. Kotey jista’ jiġi b’ambizzjoni kemm irid, imma bħall-oħrajn ta’ qablu, se jitlef,” żied jgħid b’kunfidenza Scott Dixon. “Wara kollox, ma jsejjħulix ‘Super Scott’ ta’ xejn!”
‘Golden Gloves Fight Night’ se tkun qed tittella’ fil-25 t’April fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Fi kliem Jo Caruana f’isem Prive’ Events, il-‘Golden Gloves Fight Night’ se tkun qed tpoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali.
Biljetti għal din l-attivita’ jistgħu jinkisbu minn Dixon’s Pain Academy, Ryan’s Pub u Living Well (Hilton Malta), jew inkella online minn fuq is-sit www.showshappening.com, jew inkella billi wieħed iċempel fuq dawn in-numri: 7947 01216, 9924 2515 jew 9982 1428.
Parti mid-dħul mill-biljetti se jmorru biex jinġabru flus biex tingħata għajnuna lil Javier Micallef ta’ 7 snin, li jeħtieġ kura msejjħa ‘interactive mentronome therapy’ minħabba kundizzjoni li twieled biha u li rriżultat li t-tifel twieled mingħajr parti mill-moħħ.
It-tifel kellu jgħaddi minn nurmu kbir t’operazzjonijiet, u l-għajnuna minn din l-attivita’ se tgħin lill-ġenituri tiegħu biex it-tifel jittieħed l-Ingilterra fejn jista’ jkompli jingħata l-kura meħtieġa.
//= $special ?>