Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Muscat iżur dar waħda fl-Isla … u ma jgħidx li hi ta’ qariba tiegħu!

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat żar familja fl-Isla bħala parti mill-kampanja tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Żjara li setgħet dehret bħala waħda ta’ rutina fejn politiku iżur kostitwenti waqt kampanja elettorali. Iżda li ma qalx Joseph Muscat u l-Partit Laburista hu li l-omm tal-familja li żar fl-Isla hi qariba tal-istess Mexxej Laburista.

Fil-fatt, omm Diane Buhagiar, il-mara tad-dar, hi l-prima kuġina ta’ Joseph Muscat u hi wkoll mill-Isla. Il-Partit Laburista ipprova jostor dan il-fatt u l-uffiċċjali tal-Partit Laburista qalu li l-familja kunjomha Bartolo, kemm verbalment lill-ġurnalisti dak il-ħin kif ukoll fl-istqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista. Iżda fir-realta’ il-familja li żar Muscat hi kunjomha Buhagiar.

Minn informazzjoni li ghandu MaltaRightNow.com, din iż-żjara xejn ma niżlet tajjeb ma’ partitarji Laburisti mill-Isla li jafu sew li d-dar fejn mar iżur Muscat hi residenza ta’ qariba tiegħu. Ħafna rrimarkaw li Muscat qed iżur u jaqdi biss lil qraba u lil tal-qalba u l-oħrajn huma minsijin.

Matul din iż-żjara, Muscat tkellem dwar ir-roħs fil-kont tad-dawl u l-ilma fejn wara li kien muri kont tad-dawl mill-familja Buhagiar/Bartolo, inħadem kemm se tiffranka din il-familja partikolari. L-ammont kien ta’ €36 kull xahrejn, jew 60 ċentezmu kull jum.

F’dawn l-ewwel jumejn tal-kampanja elettorali, il-Partit Laburista ikkonċentra l-attivitajiet tieghu fit-2 Distrett bir-rally li biha fetaħ il-kampanja elettorali fil-Birgu, iż-żjara tal-Ministru Konrad Mizzi fis-Suq tal-Birgu wkoll u ż-żjara lil familja fl-Isla – li issa jirriżulta li hi qariba tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista.

F’dawn l-okkażjonijiet sa issa, Muscat mhux qed jiffaċċja l-ġurnalisti u ħa biss mistoqsija waħda.

 

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt