Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Muscat jerġa’ jistaħba mill-ġurnalisti

Għat-tieni jum konsekuttiv tal-kampanja elettorali, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat ħarab milli jiffaċċja lill-ġurnalisti, hekk kif għall-unika attività tal-kampanja Laburista għal-lum il-Prim Ministru baghat lill-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi. Fiż-żjara qasira fis-Suq tal-Birgu, Mizzi kien akkumpanjat minn numru żgħir ta’ kandidati Laburisti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista fetaħ il-kampanja elettorali lbieraħ filgħodu b’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap tal-PN Simon Busuttil, li matulha l-ġurnalisti setgħu jistaqsu kemm iridu. Iżda Muscat għażel li jiftaħ il-kampanja elettorali Laburista b’messaġġ fuq video, li ġie ċirkolat fuq YouTube, filwaqt li nieda l-logo u l-islogan tal-kampanja tiegħu fuq Twitter. L-istess ġara fit-tieni jum, meta spikka n-nuqqas ta’ Muscat, minkejja li fl-unika okkażjoni pubblika s’issa, ir-Rally fil-Birgu li saret ilbieraħ filgħaxija, ovvjament il-ġurnalisti ma setgħux jagħmlu domandi.

S’issa għad m’hemmx lanqas l-ebda indikazzjoni ta’ x’attivitajiet se jkollu l-Partit Laburista. Lanqas fil-ġurnal tal-GWU, fejn issoltu jidhru dawn l-avviżi, għadu mhux qed jiġi pubblikat il-kalendarju tal-attivitajiet tal-Partit Laburista. Lanqas ma tnieda l-ebda sit elettroniku bid-dettalji tal-kampanja elettorali.

Dan qanqal ukoll mistoqsijiet fil-media indipendenti, fejn f’rapport partikolari saħanistra ntqal li gazzetta minnhom staqsiet għal lista tal-attivitajiet biex tkun tista’ tippjana, iżda miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista baqgħet bla risposti. L-istess gazzetta lmentat li qed issir taf bl-attivitajiet ftit sigħat biss qabel iseħħu, filwaqt li kkummentat li għall-kuntrarju ta’ dan, il-PN diġà ppubblika l-lista tal-attivitajiet tiegħu għal din il-ġimgħa kollha.