ĊIPRU – Hemm kull possibbilta li ftehim biex jikkonkludu l-konflitt ta’ Ċipru jkun realizzat qabel tmiem is-sena u wara li n-naħat Ċiprijotti-Griegi u Ċiprijotti-Torok ilhom is-snin jippruvaw iwasslu għal dan il-punt, bl-għajnuna tan-Nazzjonijiet Uniti.
In-negozjati attwali huma intiżi biex inaqqsu d-differenzi bejn ‘ir-rivali’ ta’ Ċipru li ilu membru tal-Unjoni Ewropea mill-2003 u li ilu jiffaċċja stat ta’ konflitt għal dawn l-aħħar erbgħin sena.
Sadanittant, in-negozjati għar-reunifikazzjoni ta’ Ċiprju li għaddejjin bejn il-President Ċiprijott-Grieg, Nicos Anastasiades u l-Mexxej Ċiprijott-Tork, Dervis Eroglu, kapaċi jipproduċu żblokk u riżultati importanti.
It-taħditiet komplew fi Frar u wara xhur ta’ staġnar, b’Eroglu, issa, jsostni – wara laqgħat mas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon – li l-komunitajiet rispettivi ta’ Ċipru jibqgħu impenjati lejn soluzzjoni tal-problema ta’ pajjiżhom fl-iqsar żmien possibbli.
Ċipru ilu mifrud f’entitajiet ‘Griegi u ‘Torok’ mill-1974, meta qawwiet Torok kienu invadew u okkupaw l-inħawi tal-gżira lejn it-Tramuntana wara li s-sostenituri Ċiprijotti tal-Greċja fallew f’tentattiv lejn unjoni ma’ dak l-pajjiż.
Mifhum li Ban Ki-moon qed jagħti l-appoġġ kollu lill-komunitajiet Ċiprijotti biex jaslu għal soluzzjoni ta’ sinifikat storiku, b’Eroglu jtenni li ftehim hu possibbli ‘din is-sena’ u fejn, imbagħad, mistenni jitressaq għall-voti (rispettivi) taċ-Ċiprijotti-Griegi u Torok.
//= $special ?>

