Lokali Qorti

Sentejn ħabs u multa ta’ €2,400 fuq importazzjoni ta’ kokaina

Bulgaru ta’ 31 sena ġie kundannat sentejn ħabs u mmultat €2,400 wara li nstab ħati mill-Maġistrat Francesco Depasquale li fil-5 ta’ April li għadda assoċja ruħu ma’ persuna jew persuni f’Malta jew barra minn Malta billi mporta ħames pilloli bid-droga kokaina.

Marius Bankov ammetta li kellu fil-pusses tiegħu l-imsemmija droga li kellha piż ta’ 29.5 gramma b’purita’ ta’ madwar 38 fil-mija bil-valur fis-suq ikun ta’ kważi €2,000.

Skont l-ispiżjar Godwin Sammut, espert imqabbad mill-Qorti kien magħruf ukoll li kien hemm pillola oħra li kienet “cutting agent” bil-piż ta’ 7.11 gramma. Din hija kimika li titħallat mal-kokaina.

Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li Bankov importa d-droga billi daħħal fl-istonku tiegħu sitt pilloli bil-kwantita’ u l-kwalita’ tad-droga turi li din ma kienitx għall-użu esklussiv tiegħu. Ittieħdet ukoll inkunsiderazzjoni li Bankov ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u li l-kondotta tiegħu hija waħda nadifa.

Għall-ewwel deher li l-Bulgaru kien se jappella mill-piena nflitta fuqu imma wara ftit huwa reġa’ bdielu u ddeċieda li jmur il-ħabs biex iservi l-piena.

Għalih deher l-Avukat Joe Ellis filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Malcolm Bondin.