Lokali Unjoni Ewropea

Spettaklu fil-Port il-Kbir biex jitfakkar l-10 anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-UE

Fit-30 ta’ April li ġej, Malta se tingħaqad biex tfakkar l-10 anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Biex jitfakkar dan l-avveniment, iż-żona tal-Port il-Kbir se terġa’ tieħu d-dehra ta’ festa li kellha 10 snin ilu bi spettaklu speċjali, li jinkldi wkoll spettaklu ta’ dwal u laser mas-swar. Se jkun hemm ukoll spettaklu ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika, li jagħlaq l-attività, kif ukoll kunċert mingħajr ħlas mid-DJ internazzjonali Gareth Emery akkumpanjati minn żewġ DJs lokali.

Dettalji dwar dawn l-attivitajiet, li se jsiru fl-istess ħin taċ-ċelebrazzjonijiet fl-2004, ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-isfond tal-Forti ta’ Sant’Anġlu, li 10 snin ilu laqa’ madwaru eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin biex isellmu lil Malta Ewropea. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u l-Fondi Ewropej Ian Borg qal li dakinhar pajjiżna kien għad kellu l-feriti tad-diviżjoni politika dwar is-sħubija sħiħa, iżda rrikonoxxa li llum Malta kollha saret Ewropea daqskemm hi Maltija.

Is-Segretarju Parlamentari sellem lill-politiċi li wasslu għal dan il-pass importanti fl-istorja ta’ pajjiżna, fosthom l-eks Prim Ministri Ġorġ Borg Olivier, li ġab l-Indipendenza, u Eddie Fenech, li mexxa lil pajjiżna sas-sħubija sħiħa fl-UE. Qal li minkejja li dawn u oħrajn setgħu ma qablux f’diversi affarijiet, żgur li kellhom għal qalbhom il-pajjiż.

Iċ-ċelebrazzjonijiet fil-Port il-Kbir qed jittellgħu mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali (FĊN), li matul din is-sena mistennija ttella’ madwar 60 attività biex jitfakkru l-10 anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-UE, il-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza, l-40 anniversarju mir-Repubblika u l-35 sena mill-għeluq tal-bażi Ingliża f’pajjiżna.