L-GHAJBIEN TAL-AJRUPLAN – L-awtoritajiet li qed imexxu t-tfittxija mill-ajru għall-ajruplan Boeing tal-Malaysia Airlines kellhom iwaqqfu l-ħidma fuq l-Oċean Indjan minħabba l-effett perikoluż ta’ ċiklun tropikali fl-inħawi.
Qabel ħarġet id-direttiva, talanqas għaxar ajruplani militari kellhom iduru madwar iz-zona indikata biex jappoġġjaw it-tfittxija għall-Boeing li ilu nieqes mit-8 ta’ Marzu meta għab (flimkien mal-239 persuna ta’ fuqu) waqt vjaġġ minn Kuala Lumpur, fil-Malasja, lejn iċ-Ċina.
Intant, il-maltemp ta’ Ċiklun ‘Jack’ imminimizza bil-kbir il-prospetti tat-tfittxija, bl-awtoritajiet jissospendu l-impenji, fost it-taqlib tal-baħar u tip ta’ viżibbilta fqira ‘li tirrendi kwalunkwe attivita bħala ineffettiva’.
Fl-istess ħin, kien mistenni li numru ta’ vapuri, lejn il-Majjistral ta’ Perth (fl-Awstralja), li huma involuti fit-tfittxija għall-ajruplan nieqes kellhom ikomplu bil-missjoni. Dan meta l-awtoritajiet għandhom ikomplu jużaw sottomarin tat-tip Bluefin-21 f’zona tal-oċean fejn, aktar kmieni fix-xahar, kienu indikati ħsejjes akustiċi simili għal dawk trasmessi mill-kaxxa s-sewda ta’ ajruplan.
Fl-istess ħin, it-tfittxija għall-ajruplan li qed tinvolvi madwar 24 pajjiż tidher se tkun l-aktar waħda li qatt swiet flus fl-istorja tal-avjazzjoni< bl-awtoritajiet ma jistgħux isibu spjegazzjoni għalfejn il-Boeing seta’ joħroġ daqshekk mir-rotta oriġinali tiegħu.
//= $special ?>

