Internazzjonali Xjenza u Teknoloġija

Tkompli l-attivita fis-sit nukleari

IL-KOREA TA’ FUQ – Imkejjen infurmati fil-Korea t’Isfel irreferew għal ‘żieda ta’ attivita’ fis-sit tal-Korea ta’ Fuq fejn qed isiru l-provi nukleari. Dan meta l-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, qed iħejji għal żjara imminenti fil-Korea t’Isfel u li mistennija għal nhar il-Ġimgħa.

Kelliema għall-Ministeru tad-Difiża tal-Korea t’Isfel qalu li l-attivita rrankat fl-inħawi tas-sit ta’ Punggye-ri u ma jeskludux li r-reġim komunista ta’ Pyongyang jista’ qed iħejji  ‘xi prova (nukleari) sorpriża oħra’.

Il-Korea ta’ Fuq, fil-passat, wettqet tlett provi nukleari u l-Gvern tal-Korea t’Isfel qed iwissi dwar il-periklu li r-reġim fi Pyongyang ikompli fuq din it-triq.

L-aktar prova riċenti tal-Korea ta’ Fuq kienet seħħet fi Frar tal-2013, bl-inċident jixpruna tensjoni akuta li damet għal xhur fil-penisola Koreana. Il-provi preċedenti tal-Koreani komunisti kienu seħħew fl-2006 u fl-2009, bl-inċidenti kollha jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq Pyongyang min-naħa tan-Nazzjonijiet Uniti.

Sadanittant, il-Joint Chiefs of Staff militari tal-Korea t’Isfel waqqfu task force speċjali biex jissorvelja din is-sitwazzjoni mill-aktar delikata.