Internazzjonali Kultura

Żjara li għandha toħloq aktar diżgwid mal-ġirien

IL-ĠAPPUN – Madwar 150 deputati parlamentari tal-Ġappun żaru s-Santwarju ta’ Yasukuni kontroversjali (f’Tokjo) li jikkommemora lill-mejtin taż-żmenijiet tal-gwerra u meta mistennija aktar tensjoni u diżgwid bejn it-Tmexxija Ġappuniża u l-ġirien tar-reġjun.

F’dan is-santwarju hemm midfuna l-kriminali tal-gwerra li kienu kkundannati għall-aġir tagħhom waqt it-Tieni Gwerra Dinjija< b’din iż-żjara tad-deputati sseħħ anki qabel il-wasla (llum) fil-Ġappun tal-President tal-Istati Uniti, Barack Obama.

Intant, iż-żjara tista’ tirriżulta fir-riperkussjonijiet meta l-Ġappun għandha relazzjonijiet diffiċli mal-ġirien – b’mod partikolari ċ-Ċina – b’kaġun ta’ kwistjonijiet storiċi u ġeopolitiċi.

Filwaqt li l-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, ma kienx fost id-deputati li żaru s-santwarju, hu xorta bagħat ‘offerta tradizzjonali’ li ċ-Ċina kkritikat bħala ‘assi negattiva għall-Ġappun’.

Kelliema f’Beijing qalu li ż-żjarat tal-ogħla awtoritajiet Ġappuniżi fis-santwarju speċifiku ‘jirriflettu attitudni żbaljata lejn l-istorja’, waqt li l-Gvern tal-Korea t’Isfel qal li Abe, b’dawn il-ġesti, ‘jrid jibni kunċett romantiku mill-kolonjaliżmu u l-aggressjoni li pajjiżu wera fil-passat’.