Kien hemm żviluppi ġodda b’rabta mal-applikazzjoni li hemm quddiem l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex tinbena Dar tal-Anzjani f’żona ODZ f’Wied Garnaw, fil-periferija bejn Santa Luċija u Ħal Luqa. Il-Kunsill Lokali Laburista ta’ Ħal Luqa ħa pożizzjoni kontra dan il-proġett, filwaqt li l-Kumitat ta’ Azzjoni tar-Residenti f’Santa Luċija u l-Grupp ta’ Azzjoni Salva Wied Garnaw ippreżentaw petizzjoni b’2,400 firma quddiem il-MEPA kontra l-bini ta’ din id-dar tal-anzjani f’Wied Garnaw b’għoli ta’ ħames sulari.
Il-firem inġabru f’anqas minn ġimgħatejn. Il-petizzjoni issa tinsab quddiem il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johann Buttigieg u dan il-pass jifforma parti minn pressjoni li qed issir minn diversi kwartieri biex il-MEPA ma taċċettax dan l-iżvilupp u tinforma lill-applikant li ż-żona fejn qed jiproponi li tinbena d-dar tal-anzjani ma tistax tintmess. L-applikazzjoni għal dan il-bini tressqet quddiem il-MEPA mill-Perit Robert Sarsero li, minbarra li hu ċ-Chairman tal-Freeport, hu wkoll membru fuq il-Bord tal-Appell tal-MEPA.
Min-naħa tiegħu, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa ħa pożizzjoni unanima kontra dan il-proġett. Il-Kunsillieri kollha tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista, inkluż is-Sindku qed jiproponu li jinstab lok alternattiv li mhux f’Outside Development Zone għall-bini tad-dar tal-anzjani. B’hekk, ma jinħoloqx preċedent li jista’ jwassal għal aktar żvilupp fiż-żona.
MaltaRightNow.com hu nfurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, ukoll immexxi minn maġġoranza Laburista, għadu ma ħax pożizzjoni dwar il-proġett u mistenni jiddiskuti l-applikazzjonijiet għal dan l-iżvilupp fil-laqgħa li jmiss, skedata għall-Ġimgħa.
//= $special ?>