Futbol Sport

Benzema jagħti vantaġġ minimu lil Real

Real Madrid ……………1
Bayern Munich……….0

Real Madrid li qed ifittxu li jirbħu ċ-Champions League għall-għaxar darba, se jkunu qed jieħdu vantaġġ ta’ gowl wieħed fl-Allianz Arena l-ġimgħa d-dieħla wara li rebħu l-ewwel leg tas-semifinali fil-Bernabeu 1-0. Kienet it-tieni telfa li sofrew Bayern dan l-istaġun fil-kompetizzjoni.

Iċ-Champions renjanti kif iħobbu jagħmlu iddominaw l-ewwel taqsima b’Robben ikun l-aktar perikoluż imma kienu Real li fid-19-il minuta fetħu l-iskor meta minn kontra-attakk veloċi, l-ewwel wieħed tagħhom fil-partita, Bayern naqsu milli jikklerjaw cross fil-baxx ta’ Fabio Coentrao u Karim Benzema mill-viċin waħdu quddiem Nueur skorja faċilment.

Sal-mistrieħ minkejja li t-tim ta’ Guardiola ddomina għal kollox rari ngħata ċ-ċans jikkonkludi fil-lasta ta’ Casillas, anzi kien Di Maria li falla ċans li jirdoppja għal Real.

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima Cristiano Ronaldo li skorja 14-il gowl dan l-istaġun fil-kompetizzjoni, impenja lil Neuer b’xutt fil-baxx imma l-Portugiż kellu logħba ferm kwieta u kien mibdul ma’ Gareth Bale li beda fuq il-bank minħabba li kien ma jiflaħx.

Seba’ minuti mit-tmiem Casillas salva r-riżultat fuq xutt ta’ Goetze u mbagħad kien Muller li naqas milli jikkonkludi fl-aħħar sekondi.

Is-suffara finali tar-referee Howard Webb sabet lil Real rebbieħa biex b’hekk baqgħu qatt ma tilfu logħba miċ-Champions League mit-18 li fihom skorja Karim Benzema u issa kollox jiġi deċiż fi Munich.