Il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fih il-preġju ta’ kelma li jużaha kulħadd biex jagħżel bejn dak li hu aktar tajjeb u dak li hu anqas tajjeb; il-komparattiv ta’ ‘tajjeb’ li hu ‘aħjar’: kelma sabiħa Maltija li jużaha kulħadd u li la hi bombastika u lanqas xi kelma li ma nużawhiex fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-komparattiv, għax fil-ħajja rridu nqabblu meta nagħżlu
‘Aħjar’, il-komparattiv, għax fil-ħajja meta nagħżlu rridu nikkomparaw, inqabblu. U l-aqwa għażliet huma dawk realistiċi li jmexxuna ‘l quddiem fil-prattika, u la dawk li jħalluna staġnati għax ma nindunawx bil-ħażin li rridu niżbru u lanqas dawk li, min-naħa l-oħra, ipoġġu quddiemna ħolma għall-perfezzjoni li fil-fatt ma nistgħux nilħqu.
Malta aħjar, għax tkun kburija u rispettata fl-Ewropa
Kif tkun Malta aħjar? Tkun Malta aħjar fl-Ewropa, kburija u rispettata għax għelbet il-mewġ tal-agħar maltemp fi tmenin sena u kienet fost l-aqwa fl-Ewropa; mhux Malta li tipprostitwixxi ruħha ma’ min irid jinqeda biha għal skopijiet ħżiena.
Malta aħjar, fejn min imexxi jaqdi, mhux jinqeda
Malta aħjar tkun Malta fejn kulħadd iħoss li hu parti minn pajjiż wieħed, fejn dawk li jkunu qed imexxu jkunu qed jaqdu lil kulħadd; mhux Malta fejn dawk li jkunu qed imexxu jaqdu lilhom infushom, jiffangaw minn flus il-bqija, bil-Prim Ministru u martu stess jaqdu lilhom infushom personalment u, minfuq, jippretendu li l-bqija jikkuntentaw bil-ftit loqom li jitfgħulhom.
Malta aħjar, għax ikollha pjan għall-ħolqien tax-xogħol b’pagi tajbin
Malta aħjar tkun Malta li jkollha pjan dwar liema oqsma ġodda se tkun qed tiġbed investiment fihom ħalli dawn l-oqsma ġodda jkunu qed joħolqu l-impjiegi mħallsin tajjeb għaxra jew ħmistax-il sena oħra għat-tfal li llum għadhom fil-primarja imma li għaxar snin oħra jkunu qed ifittxu x-xogħol; mhux Malta fejn min imexxi jitħallas bl-eluf fil-ġimgħa u jdaħħal lil tal-qalba, saħansitra lil tal-familja, mal-gvern imma, minfuq, jippretendi li l-bqija jaċċettaw il-pagi taċ-Ċina inkella jmorru jirreġistraw.
Malta aħjar, fejn kulħadd ikun taħt l-istess liġi u ġustizzja
Malta aħjar tkun Malta fejn min imexxi jkun taħt l-istess liġi u japplika l-istess liġi għal kulħadd, hu min hu, u fejn min jaqta’ l-ġustizzja fuq ħaddieħor ikun hu tal-aqwa eżempju; mhux Malta fejn min jikkorrompi jsib lil min jaħfirlu, fejn min jisraq b’100 miljun ewro elettriku jsib il-maħfra anke tas-serq mill-Prim Ministru, fejn Ministru jipprova jaħbi inċident li lili u lilek kieku jtellagħna l-qorti, fejn Prim Ministru jgħatti l-ħażin ta’ mħallef li naqas u li nstab li naqas minn sħabu stess.
Malta aħjar, għax tħares it-tajjeb li ħallewlha ta’ qabel u tiżbor il-ħażin li tagħraf li għandha
U hemm elf mod ieħor kif Malta tkun aħjar, Malta realistika u prattika li tagħraf x’ħażin hemm biex tirranġah u x’tajjeb ħallewlha dawk kollha li ġew qabel ħalli tħarsu u sseddqu. Hekk tkun Malta aħjar.