Il-Partit Nazzjonalista qed ikun pożittiv, kostruttiv, u jħares il-wirt kulturali
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppreżentat mozzjoni fil-Parlament bil-għan li, bi ftehim mal-Gvern, l-art li spiċċat f’nofs kontroversja wara li nħareġ permess mill-MEPA biex isir żvilupp fuqha minkejja li tinsab fil-buffer zone tat-tempji Ta’ Ħaġrat fl-Imġarr, tiġi esproprjata.
Dettalji dwar din il-mozzjoni ġew spjegati lill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet fis-sit li kienet indirizzata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco u mix-Shadow Minister għall-Ippjanar Ryan Callus. Il-mozzjon, li saret bil-ħsieb li jiġu ssalvagwardjati t-tempji li huma rikonoxxuti mill-UNESCO, ġiet ippreżentata wara li f’Settembru li għadda, l-MEPA ħarġet il-permess biex isir l-iżvilupp fuq din l-art, u wara li l-Bord tal-Appell ma laqax it-talba tal-appell fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Mario de Marco fakkar li applikazzjoni simili li ġiet approvata fix-xhur li għaddew, kienet ġiet irrifjutata fl-2009, bl-argument kien li din l-art tinsab fil-buffer zone tat-tempji fl-Imġarr. Fl-2009 ukoll, art li tinsab fl-istess żona, ftit metri biss ‘il bogħod mill-art li tinsab f’nofs il-kontroversja bħalissa, kienet ġiet esproprjata u s-sid ingħata l-kumpens xieraq taħt l-art. F’dan, il-każ, l-Oppożizzjoni qed tiproponi li jiġri l-istess.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Mario de Marco għamel referenza għall-fatt li d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela, f’artiklu fuq l-Orizzont, iddeskriva l-ħruq ta’ dan il-permess bħala “delitt ta’ parti mill-patrimonju u wirt storiku tagħna”. Hawnhekk, Mario de Marco staqsa x’inhi l-pożizzjoni tal-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici u l-pożizzjoni tal-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat li sa issa kienu siekta dwar dan il-permess.
Minn naħa tiegħu, id-Deputat Ryan Callus sostna li bħalissa qed tinġabar petizzjoni mill-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar biex dan il-permess jiġi revokat. Fi ftit jiem, din il-petizzjoni laħqet l-1,500 firma. Hu spjega kif il-mod kif inhi miktuba l-mozzjoni, tappella għall-għaqda, b’ton newtrali mingħajr ebda kliem partiġġjan.
Ryan Callus kompla jispjega li dan hu pass ieħor tal-Partit Nazzjonalista li bih, qed iżomm mal-wegħda tiegħu li jkun Oppożizzjoni kostruttiva u pożittiva. Hu spjega li din il-mozzjoni timla l-vojt li suppost ġie kopert mill-Gvern, iżda għal xi raġuni, sostna Ryan Callus, il-Gvern baqa’ sieket dwar dan il-permess.
Il-proponent ta’ din il-mozzjoni kien id-Deputat Ryan Callus, waqt li l-mozzjoni ġiet issekondata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco, mill-Whip tal-Grupp Parlamentari David Agius, kif ukoll mid-Deputati Charlo Bonnici, Antoine Borg, Joe Cassar u Ċensu Galea.
//= $special ?>