Il-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li l-familja li mar għandha bil-media lbieraħ filgħaxija (ritratt) bhala parti mill-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tiġi minnu. Madankollu, Muscat qal li ma kienx jaf li qed iżur lil tal-familja qabel ma dan ġie żvelat minn MaltaRightNow.com. Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti l-għada li ħadhom miegħu għal din iż-żjara fl-Isla, għall-ewwel Muscat ipprova jimplika li l-mara li mar għandha ma tiġix minnu. Madankollu, meta kien mistoqsi b’mod dirett biex jgħid tiġix minnu, kellu jammetti.
Barra minhekk, għal xi raġuni, sew mal-ġurnalisti li kienu mal-Mexxej Laburista fl-Isla kif ukoll fi stqarrija li ħareġ wara din iż-żjara, il-Partit Laburista għażel li jbiddel il-kunjom tal-familja minn Buhagiar għal Bartolo. Skont Muscat, iżda, dan ma sarx apposta biex tinħeba l-identità tal-familja iżda bi żball. Informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com tgħid li din iż-żjara xejn ma niżlet tajjeb ma’ partitarji Laburisti mill-Isla, li esprimew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li minn daqs dawk familji f’Malta u f’Għawdex, Muscat għażel li jmur għand qariba tiegħu minflok għand familji oħra biex jisma’ l-isfidi li jiffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum.
Stqarrija tal-PN:
Muscat jikkonferma li żar lil tal-familja
Fi stqarrija li ħareġ wara din l-ammissjoni ta’ Muscat, il-Partit Nazzjonalista qal li issa l-Mexxej Laburista qed jammetti li din kienet żjara oħra għal kollox kontrollata u magħluqa għal tal-qalba biss. Il-PN qal li dan hu Prim Ministru li jrid jevita akkost ta’ kollox l-iskrutinju u li jiffaċċja lin-nies lil hinn minn dawk tal-qalba.
Il-PN qal li hu ċar ukoll li Muscat jaħseb li jista’ jidħak bin-nies il-ħin kollu u li ħadd ma kien se jinduna li din iż-żjara ma kienet xejn għajr pantomima ta’ lejliet l-elezzjoni.
//= $special ?>