Lokali

Għaqda ġdida favur id-drittijiet tal-bniedem

Ħames għaqdiet mhux governattivi waqqfu għaqda ġdida jisimha PHROM – fil-qosor għal Platform of Human Rights Organisations in Malta, bl-iskop li jkun hawn koalizzjoni tal-NGO’s kollha li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem.

Dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attendew rappreżentanti mill-ħames NGO’s li huma Din l-Art Ħelwa, il-Malta Gay Rights Movement, il-Fondazzjoni Richmond, il-Victim Support Malta u l-Fondazzjoni Aditus.

Neil Falzon, Direttur tal-Fondazzjoni Aditus qal li l-iskop tal-platform hu biex l-organizazzjonijiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jiżviluppaw u jippromwovu il-valuri tad-dinjità umana u l-ugwaljanza.

Qal li d-drittijiet tal-bniedem, minbarra dawk tradizzjonali, jinkludu wkoll id-dritt ta’ ambjent nadif, id-dritt għat-tgawdija tal-kultura u l-patrimonju, id-dritt tax-xogħol, id-dritt għal aċċess għal ilma nadif u drittijiet oħra marbutin mal-ambjent.